Fejn twieled il-Bambin?

 

«Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh.»

U jekk issaqsu lilna nafu nweġbuhom? Il-qassisin il-kbar u l-kittieba tal-poplu kienu kapaċi jwieġbu, anke jekk sfortunatament qas għamlu pass wieħed biex immorru jarawh, jew jeħdulu xi rigal. Forsi pretendew li jitwieled fit-Tempju, u allura la darba ma twelidx hemm ħassuhom esklużi! Min jaf?

Imma int u jien nafu fejn twieled il-Bambin? Sibnieħ? Morna narawh? Il-bambin, (u din mhix retorika infantili), twieled f’qalbi?

Jistgħu jkunu diversi ir-raġunijiet għalfejn il-Bambin għadu ma twelidx f’qalbi:

· Jista’ jkun għax ftit jinteressani. Għandi biżżejjed problemi ma xiex inħabbat wiċċi. Għandi biżżejjed xogħol x’nagħmel u wara kollox kif jien, għaddej tajjeb.

· Jista’ jkun għax nimmaġinani tant midneb li naħseb li m’hemmx post għall-Buon Ġesu’ biex jiġi għandi.

· Jista’ jkun li qtajt qalbi nipprova nkun tajjeb, il-vizzju rikibni, u issa m’hemmx x’tagħmel. Ġesu’ forsi twieled f’qalb Madre Tereża, f’qalb il-Kapillan, f’qalb dik l-anzjana li tmur kuljum il-knisja u tgħid kuljum ir-rużarju imma mhux f’tiegħi.

· Jista’ jkun ukoll li jien inħossni wisq adult issa, anke jekk niġi l-knisja kull nhar ta’ Ħadd. Dawn huma ħmerijiet ta’ tfal mhux tiegħi!

· Forsi nħossni wisq intelliġenti biex noqgħod nfittex il-Bambin. Jkolli nammetti li dak il-Bambin jekk jitwieled f’qalbi jumiljani, iġiegħlni ninżel fl-art inqimu, u jien bniedem intelliġenti nistħi nintefa’ fl-art quddiem kulħadd.

· Forsi nibża li jekk il-Bambin jitwieled f’qalbi ser jobbligani mbiddel qalbi, imma jien ma rridx, m’għandix ċans, miniex komdu għalissa.

· Forsi nibża’ li jeħodli xi ħaġa, li jobligani intih id-deheb, l-inċens jew il-mirra, imma dawk għandi bżonnhom jien. Jien għandi bżonn min jinċensani ħa nħossni utli, ħa nħossni apprezzat, ħa nħossni stmat u popolari. Jekk ma jinċensawx lili lil min ser jinċensaw? Id-deheb għalija biss, jien il-King of the World, għalfejn jagħtuh lil-ħaddieħor? Mhux hekk tgħid jagħtuh lill-Bambin, dak min jafu? Il-mirra għandi bżonnha jien biex nfewwaħ, jien kapaċi ħafna iktar minn Alla, dak ħafna drabi ma jagħmel xejn. Jekk irrid li l-affarijiet jimbidlu, jien irrid inkun.

Imma bla ma nindunaw dawn ir-raġunamenti kollha jagħmluna Erodi, il-bniedem mkaxkar mill-poter, li jibża’ li Alla jeħodlu postu, il-bniedem li jsibu jikkompeti ma’ Alla għall-glorja. Battalja mitlufa! Kemm jista’ jiġri lilna li neħduha ma’ Alla? Kemm jista’ jiġri lilna li nsibuna mxenqa wara l-glorja, wara l-poter, wara kilba għall-popolarita’ li magħha ġġib biss kompetizzjoni, pika, ftaħir żejjed? Alla minn naħa l-oħra jġib paċi, sliem, risq, umilta’ ferħ għax ħadd ma jħossu obbligat jiġġieled għall-xi ħaġa li jibża’ li ser jisirqulu.

Jekk isaqsuk fejn twieled il-Bambin tiddejjaqx tgħidilhom li twieled f’qalbek u f’kull qalb li ħalliet lil Alla jkun Alla. U dan ikun ir-risq! 

Awguri