IV Ħadd tal-Għid

Naħseb illi ħadd ma jieħu gost jiġi mqabbel ma' nagħġa, forsi għax għadna l-impressjoni li n-nagħaġ huma kemmxejn bla direzzjoni, isegwu biss, mhux ta' b'xejn li meta naraw lil xi ħadd, jew xi grupp ta' nies li jagħmlu dejjem kif jagħmlu l-oħrajn ngħidu li qishom in-nagħaġ ta' Bendu. Imma għall-Bibbja in-nagħġa hija ħlejqa tassew iffortunata. Il-Bibbja dejjem tqis lin-nagħġa bħala annimal li għandu jiġi mħares. Fil-fatt, Alla huwa ħafna drabi imqabbel ma' ragħaj illi jieħu ħsieb in-nagħaġ tiegħu.

Fl-Antik Testment, propju fil-ktieb tas-Salmi insibu dak is-Salm famuż (21) "Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi". Hawn jidher ċar kemm in-nagħġa hija iffurtunata li sabet ragħaj daqshekk tajjeb! Fl-istess Antik Testment insibu lil Mulej li jeħodha mal-qassisin ta' dak iż-żmien li ma ħadux ħsieb lin-nagħaġ kif suppost. Imbgħad fil-Ġdid Testment Ġesu' jqabbel ukoll lilu innifsu mar-ragħaj. Jgħid li hu dak li joħroġ ifittex in-nagħġa il-mitlufa, li jeħodha fuq spallejħ. Jgħid ukoll li hu r-ragħaj li kapaċi jagħti ħajtu għan-nagħaj tiegħu, mhux bħar-ragħaj mikri li jara il-lupu ġej u jaħrab. Ir-ragħaj it-tajjeb huwa dak li jaf in-nagħaġ waħda waħda b'isimhom, li joħroġhom jirgħu, li jekk jinqala' l-inkwiet lest li jitlef ħajtu biex isalva in-nagħaġ tiegħu. Ir-ragħaj it-tajjeb jħabbel rasu għan-nagħaġ. Il-mikri, jgħid Ġesu, ma jimpurtaħx minn nagħaġ. Jimpurtaħ biss minn ħaġa waħda, li jsalva ġildu!

U proprju għalhekk illum il-Knisja flimkien mal-Ħadd tar-Ragħaj it-tajjeb, tiċċelebra 'Jum it-talb għall- Vokazzjonijiet Saċerdotali u Reliġjużi'. Propju il-Knisja titlob biex il-Mulej jibgħat nies, li jwieġbu għas-sejħa u jingħataw kollha kemm huma lilu, u lill-poplu ta' Alla. Ma titlobx biex il-Mulej jibgħat vokazzjonijiet għax is-saċerdoti qed jonqsu u allura mhux ser ikun hawn min iżomm l-istrutturi fuq saqajhom. Ma titlobx biex ikollna ħafna patrijiet u sorijiet għax inkella il-kunventi jibqgħu vojta. Ma titlobx għax tinkwieta li titlef il-glorja ta’ snin twal b’ħafna vokazzjonijiet. Ma titlobx biex ikun hawn man power biżżejjed biex inkomplu nagħmlu dak li għamilna s'issa; dejjem u bl-istess mod, għax inkella hekk nkunu qed nimponu il-‘vokazzjoni tagħna’ u mhux il-“vokazzjoni tiegħU”. 

Ikun żball jekk nipprovu il-vokazzjonjiet billi npenġu ħajja reliġjuża sabiħa mingħajr proplemi; kollox ward u żgħar. Ikunu biss qed nidħku bina nfusna u b’min Alla jkun qed isejjaħ biex ikun ragħaj. Ix-xogħol ta’ ragħaj ħafna drabi jinkludi fiH element ta’ ġlieda:

  • Ġlieda miegħu nniffsu biex ir-ragħaj jibqa’ jemmen li hu nagħġa wkoll u li qed jagħmel mhux bil-ħila tiegħu biss;
  • Ġlieda miegħu nniffsu biex ir-ragħaj jibqa’ jemmen li il-vokazzjoni mhix tiegħu imma ta’ Alla;
  • Ġlieda miegħu nniffsu biex ir-ragħaj filwaqt li jieħu r-riħa tan-nagħaġ ma jiddakkarx minn dak kollu li hu tad-dinja’;
  • Ġlieda miegħu nniffsu biex ir-ragħaj qatt ma jaħseb li hu qaddis, imma hu wkoll irid jagħmel il-kontijiet mal-fraġilita’ tiegħu, mad-dnub fil-ħajja tiegħu;
  • Ġlieda miegħu nniffsu biex ir-ragħaj ma jagħmilx minn kollox biex ikun popolari u maħbub minn kulħadd;
  • Ġlieda miegħu nniffsu biex ir-ragħaj ma jaħsibx li għandu r-risposti għal kollox;
  • Ġlieda miegħu nniffsu biex ir-ragħaj jibqa’ jxandar il-Vanġelu anke meta ma jċapċpulux anzi jkun vittma ta’ persekuzzjoni;
  • Ġlieda miegħu nniffsu biex ir-ragħaj ikun koerenti ma’ dak li jippriedka anke jekk b’ħafna diffikultajiet personali;
  • Ġlieda miegħu nniffsu biex ir-ragħaj jibqa’ jemmen li hu ma wasalx; li hu wkoll għadu qed jikber, li hu wkoll għandu bżonn il-fejqan u l-maħfra;
  • Ġlieda miegħu nniffsu meta jsib ruħu għajjien u mhux qed ilaħħaq iwieġeb mal-bżonnijiet kollha tal-poplu afdat f’idejh.
  • Ġlieda miegħu nniffsu meta hu, bħal poplu afdat f'idejh għandu bżonn li jieħu ħsieb tiegħu nniffsu.

Kultant ir-ragħaj hu wkoll isib lilu nniffsu fi ġlieda ma’ Alla meta anke hu ma jifhimx x’qed jiġri fil-ħajja tiegħu u tal-poplu tiegħu.

Tgħiduli allura fejn hu l-ferħ f'dan kollu li qed isemmi. Il-ferħ huwa li wieħed ikun jaf li qed jagħmel dak li Alla jrid minnu; f'relazzjoni profonda ma' Ġesu', fil-ħafna ferħ li jistgħu joffrulek 'in-nagħaġ' u l-komunita' ta' fidi tiegħek:

Illum, f’dan il-jum li fih il-knisja titlob biex ikollna rgħajja skond qalbu, irridu niftakru mhux biss fir-responsabilta’ li r-ragħaj għandu li jieħu ħsieb in-nagħaġ afdati f’idejh, imma wkoll ir-responsabilita’ kbira li n-nagħaġ jieħdu ħsieb ir-rgħajja tagħhom.

llum il-Knisja qed titlob għal min jisma' leħnu, jimxi warajh u jagħti ġildu kollu għall-poplu ta' Alla. Illum il-Knisja titlob għal dawk li minkejja li jibqgħu nagħaġ huma mistiedna li jsiru rgħajja. Ragħaj veru jintgħaraf minn kemm kapaċi jingħata lill-oħrjan. Is-saċerdot mhu qatt funzjonarju ta' rit. Huwa dak li kapaċi, bil-mod il-mod, isir Ewkaristija, isir ħobż biex ħaddieħor jieklu, isir ħajja mogħtija.

Ejjew mela nitolbu illum lill-Mulej jibgħat ragħajja skond qalbu, li bil-ferħ u bla biżgħa jingħataw lilu, f'imħabba totali li tnissel tama, ferħ u ġenna hawn fl-art!

Il-Ħadd it-tajjeb tar-Ragħaj it-Tajjeb!