III Ħadd tal-Għid

Meta xi ħadd ikun f’relazzjoni li tkun qed timlielu ħajtu faċli tinduna. Il-persuna bħal donna timbidel. Il-wiċċ ta’ xi ħadd innamrat jitkellem waħdu; l-għajnejn jixgħelu u l-wiċċ bħal donnu jilma bid-dija. Żmien l-Għid li qed niċċelebraw huwa tassew stedina għall-ferħ. Kultant il-ferħ ta’ xi ħadd iqajjem stagħġib fl-oħrajn u kultant xi naqra għira wkoll. Forsi ġieli ġralkom li tiltaqa’ ma’ persuna ferħana u f’moħħok l-ewwel kliem li jgħaddi jkun: “Dan l-għaġeb kollu għalfejn”. Jista’ jkun li tgħir għall-persuna li tkun ferħana u jekk l-għira tkun xi naqra qawwija faċli li konxjamnet jew inkonxjament tara kif tagħmel biex tniżżel il-persuna minn fuq il-muntanja għar-realta’ pragmatika nieqsa mill-ferħ.

Forsi nistgħu nlumu d-dixxipli li ma jaslux jemmnu f’Ġesu’ imma rridu niftakru li dan jagħmluh imqanqlin mill-ferħ. Toqgħod tajba l-espressjoni: “Ma setgħux jemmnu lill-għajnejhom bil-ferħ kbir li kienu qed iġarrbu”.

Ħafna drabi ninsew li l-ħajja nisranija minkejja s-salib hija stedina għall-ferħ. Fil-Vanġelu l-istedina għall-ferħ hija kostanti: “Araw, qed inħabbrilkom ferħ kbir”. Hekk insibu miktub fl-ewwel noti tal-Vanġelu ta’ San Luqa. Marija wkoll tgħid li: “kull nisel jibda jsejjaħli ħienja”. Eliżabetta wkoll tesprimi li t-tarbija li kienet qed iġġorr fil-ġuf qabżet bil-ferħ. L-istess Luqa jgħidilna li meta Ġesu’ laqgħa lura d-dixxipli tiegħu, wara li bagħtom għall-missjoni tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu. Nimmaġina li meta qrabatu ħarġu biex iżommu lil Ġesu’ għax ħasbu li tilef moħħu dan għamluh għax Ġesu’ wera’ sinjali evidenti ta’ ferħ. Fl-Atti nsibu li propju kien ferħ għad-dixxpili li jkunu ppersegwitati. Insibu dan il-pass meraviljuż ta’ resitenza appostolika:

“Sejħu lill-appostli quddiemhom, u, wara li tawhom is-swat, ordnawlhom li ma jitkellmux fuq l-isem ta’ Ġesu’; mbgħad telquhom. Iżda huma ħarġu minn quddiem is-sinedriju ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom li jkunu mmaqqdra minħabba l-isem ta’ Ġesu’. U kuljum, fit-tempju u fi djarhom, kienu jgħallmu u jxandru bla waqfien li Ġesu’ huwa l-Messija”.

Ġesu’ nniffsu meta jitkellem fuq il-persekuzzjoni jgħid: “Ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax ħlaskom kbir fi smewwiet”.

U aħna? Għaliex kultant nħossuna daqshekk ‘l bogħod mill-ferħ? Għaliex kultant qisna għamilna biss mill-ħajja nisranija sejħa għad-dwejjaq u d-delużżjoni milli stedina għall-ferħ?

Jista’ jkun għax:

  • Għadna ma iltqajniex ma’ Ġesu’ ħaj;
  • Għadna ikkonċentrati wisq fuq il-bżonnijiet tagħna;
  • Għadna m’aċċettajniex l-umanita’ tagħna;
  • Għadna wisq nippretendu li ħaddieħor iferraħna u ftit nagħmlu biex inferrħu lill-oħrajn;
  • Qed infittxu sostituti għall-ferħ u mhux il-ferħ veru;
  • Għadna wisq marbuta mal-proġetti tagħna u nsejna l-proġett ta’ Alla;
  • Għadna wisq x’nagħmlu li mhux kapaċi nsibu mistrieħ fiH;
  • Nibżgħu ninħelsu minn dak kollu li qed iżommna lsiera;
  • Għadna wisq marbuta mal-ħtija tad-dnub tagħna u ninsew li l-Ħniena ta’ Alla hija ferm ikbar mid-dnub tagħna;
  • Nibżgħu li niġu ppersegwitati minħabba l-isem ta’ Ġesu’.

Mhux b’kumbinazzjoni li Papa Franġisku fil-kitbiet tiegħu il-ħin kollu jsejjħilna għall-ferħ. It-titli tal-komunikazzjonijiet il-kbar tal-Papa kollha jġorru l-ferħ jihom: ‘Evangelii Gaudium’, ‘Amoris Laetizia’ u dan l-aħħar: ‘Gaudete et exultate’.

J’Alla llum ilkoll kemm aħna nindunaw li Alla jridna ferħana.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem