Il-Ħamsa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Wasalna biex nibdew l-iskola, u mal-iskola normalment hemm marbut il-kunċett tal-eżamijiet. Dan iż-żmien, kif nafu huwa perjodu li jġib miegħu xi ftit tensjoni. Wara li jgħaddi żmien l-eżamijiet jkun għad jonqos tensjoni oħra; dik tar-riżultati. M’hemmx għalfejn ngħidu li ħadd  ma jieħu gost b’xi ‘F’. Fail hija kelma li ma toġgħob lil ħadd, imma dik l-‘F’ tista’ tkun okkażżjoni ta’ ‘F’ oħra – Future. Il-falliment fil-ħajja jista’ jkun okkażżjoni ta’ futur isbaħ u iktar ħieles.

Fil-Vanġelu li għadna kemm qrajna, id-dixxipli ta’ Ġesu’ għandhom problema bil-falliment. Ġesu’ jgħidilhom li kien hemm bżonn li hu jbati u jmut. Huma dan il-kliem ma jifmhux, jew aħjar ma riedux jifmhuh. Huwa kliem tqil wisq biex iniżżluh. Ġesu’ kien ġabilhom fortuna; għax ħbieb tiegħu kienu qed isiru popolari, kulħadd ifaħħar lil dan l-Imgħallem kbir, u dan l-imgħallem inzerta l-Imgħallem tagħhom. Minn fuq daru kienu qed jiksbu għalihom prestiġju u approvazzjoni. Imma Ġesu’ jgħidilhom li l-istorja setgħet timbidel, u minflok jaqsmu miegħu is-suċess kien ser ikollhom jaqsmu miegħu il-falliment. U din ma niżżluhiex!

Allura x’jagħmlu? Jaħarbu mis-sitwazzjoni. La Ġesu’ issa mhux ser jibqa’ l-ikbar wieħed għax kienu ser joqtluh allura bdew jaraw min minnhom kien l-ikbar. B’xi mod riedu jsalvaw ġildhom. Tant riedu jsalvaw ġildhom li saru insensittivi għat-tbatija ta’ Ġesu’. Hu qed jitkellem fuq tbatija u huma min minnhom kien l-ikbar. Immaġinaw xi ħadd jgħidlek li għandu marda rari u daqt jista’ jmut u int minflok jiddispaċik għalih tibda taħseb kif ser tirtu jew teħodlu postu. Xi ħaġa hekk ġralhom l-appostli. X’għarukaża! Insomma għarukaża xejn, aħna l-istess nagħmlu.

Aħna wkoll għadna din ix-xewqa li naħarbu mit-tbatija. Aħna wkoll jiġrilna li ngħoddu l-valur tagħna skond kemm ifaħħruna, jiġru warajna, ifirħu bina, skont is-suċċessi tagħna. Aħna wkoll nimmaġinaw li niswew daqs kemm għadna flus, daqs kemm għamilna isem fuq din l-art. Imma t-tifħir, l-approvazzjoni, il-flus, il-popolarita’, il-kilba għall-poter, il-prestiġju ma jagħmluniex ħielsa imma skavi tagħhom u normalment jagħmluna tallaba tagħhom, dipendenti fuqhom. Allura arana nittalbu għall-ftit approvazzjoni, iktar prestiġju, iktar popolarita’, iktar flus. Jekk ma jkollniex dawn inħossnuna ma niswewx u nagħmlu qalbna sewda. F’kelma waħda nkun sirna skjavi. 

Imma Alla għandu storja oħra għalina, li diffiċli kemm trid, imma teħlisna. Hu jirnexxielu ineżżgħana minn kollox biex jurina li aħna fil-bżonn ta’ affarijiet li jibqgħu u mhux ta'dawk li jgħaddu.

Jien ninduna verament min jien meta nfalli; meta ħadd u xejn ma jibqa’ jagħtini dak li qed nitolbu; meta saħħti tħallini, meta jeħduli l-liberta’, meta l-psewdo sidien jgħadduni bi żmien. Hemm ninduna li jien ukoll tallab. Meta għandi kollox; ċapċip, flus, sodissfazzjon hemm qajla ninduna li għandi bżonn nitlob xi ħaġa li tibqa’ għall-dejjem. Meta nfalli; meta mmiss il-qiegħ, hemm ninduna li hemm xi ħadd li jista’ jagħti tweġiba lix-xewqat profondi tiegħi. Dan jiġri anke fi dnub. Kultant rrid immiss il-qiegħ biex ninduna li xejn ma jissodissfa lil ruħi. X’inhu d-dnub, jekk mhux il-gidba, li teżisti xi ħaġa oħra li mhix Alla li tista’ tagħtini ftit ferħ? Xi ħaġa li mingħalija tista’ tissodissfali il-leblieba li għandi li nkun maħbub.

Meta mmiss il-qiegħ verament nkun nista’ ngħid: “Minn qiegħ l-art insejjaħlek Mulej, isma’ Sidi l-leħen tiegħi, ħa jkunu widnejk miftuħa jien u nitolbok bil-ħniena, jekk tal-ħtijieti int tagħti kas Mulej, Sidi min jista’ jżomm sħiħ, imma għadek hemm il-maħfra biex hekk inqimuk għal dejjem”. (Salm 130).

U din hi liberta’!

Il-Ħadd it-tajjeb