Is-17 Ħadd matul is-sena

Forsi meta naqraw dan il-Vanġelu jista’ jkollna l-impressjoni li Ġesu’ jagħmel kollox waħdu. Minn mindu konna żgħar l-attenzjoni dejjem tpoġġiet fuq il-fatt li Ġesu’ għamel il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż. Aħna m’aħniex daqshekk prużuntużi li niċħdu dan, madanakollu tajjeb nagħrfu li Ġesu’, f’din il-missjoni ma kienx waħdu.

Huwa minnu li hu jagħmel il-miraklu, imma l-ikel ma jqassmux hu. Qabel ma kattar il-ħobż, ikkonsulta lil sħabu; il-ħobż u il-ħut ma joħloqhomx mix-xejn. Ġesu’ kellu bżonn lid-dixxipli tiegħu f’din il-ħidma u għandu bżonn lilna wkoll. Il-ħobż aħna se nqassmuh, il-fdal aħna ser niġbruh aħna, lin-nies aħna ser inpoġġuhom bilqgħieda. Kif ser nagħmlu dan kollu?

Qabel xejn irid ikollna l-istess għajnejn tal-qalb tiegħu. Irridu nkunu kapaċi naraw u nifmhu il-bżonnijiet ta’ ħutna u npoġġuhom qabel il-bżonnijiet tagħna.

X’inhu is-siġriet? Wieħed. Dak li aħna nsiru bħalu. Kif? Ħobż maqsum. Ewkaristija.

llum il-Mulej qed jistiednek tagħti ħajtek, issir Ewkaristija, tagħti ġismek biex ħaddieħor jieklu, u demmek biex jixorbuħ. (Meta Ġesu' tkellem fuq dan ma fehmuhx, iġifieri ma niskantax jekk anke aħna insibu diffikulta' biex nifhmu). Ġesu' qed jistedinna biex ħajjitna issir Ewkaristija, Offerta, Għotja.  “Għamlu dan b’tifkira tiegħi”. Siru bħali, ingħataw.

Il-kliem tiegħu li kuljum, għall-sekli sħaħ u illum, jiġi irrepetut mijiet u eluf ta' drabi jgħid hekk: "Ħudu u kulu għax dan huwa ġismi, ħudu u ixorbu għax dan huwa demmi". Forsi Ġesu' ma tax ġismu fuq salib biex aħna ngħixu? Forsi ma kienx ġa, qabel ma spiċċa ma' salib sar kollox għall-kulħadd? Forsi ħinu mhux kollu għan-nies kien? Forsi ma kellux kelma għall-kulħadd? Ħajtu forsi ma kienetx għotja totali, sal-aħħar, mingħajr ebda kundizzjoni? Ħajtu kienet dan kollu! "L-aħħar qatra ta' demmek tagħtilna" jmur jgħid il-poeta. 

J’alla jien u int nindunaw f’din il-vokazzjoni li għadna! Li nsiru Ewkaristija. Nkejjlu inqas u ningħataw iktar.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem