II Ħadd tal-Għid

 

Inkredibbli dan Ġesu, u wisq iktar inkredibbli id-dixxipli tiegħu! L-evanġelisti donnhom kienu jsibu għaxqa jirrakuntaw kemm dawn id-dixxipli kellhom fidi ċkejkna. Il-ġrajja tal-Qawmien mill-imwiet ma ssibx art f'dawk li kienu dejjem miegħu. San Mark jgħidilna li dawk li kienu ta' ġewwa miegħu la jemmnu lil Marija ta' Magdala u lanqas liż-żewġ dixxipli li jmorru jagħtuhom l-aħbar. Imsieken id-dixxipli! Kienu konvinti li l-istorja ta' Ġesu' tispiċċa bis-salib. San Mark jgħidilna li Ġesu' ċanfarhom minħabba in-nuqqas ta' fidi tagħhom u l-ebusija ta' rashom.

Illum niltaqgħu ma' Tumas li jistqarr li ma kienx ser jemmen qabel ma jmiss il-pjagi ta' Ġesu'! U Ġesu' jerġa' joqgħod jinqala' minħabba fih. Għax “Tumas ma kienx magħhom”. Tumas ħareġ ‘il barra mill-komunita’ fejn, minkejja d-dgħufija tagħha, kellha tkun il-post fejn jidher Ġesu’.

Tumas jgħallimna li qatt m’għadna nitbiegħdu mill-komunita’ minkejja d-dgħufija tagħha. Alla għandu ħabta jżur lid-dgħajjef minkejja li hu dgħajjef. Jagħmel dan għax jemmen li d-dgħufija tista’ timbidel f’qawwa. Il-komunita' li waqqaf Ġesu' nniffsu, kienet l-ewwel komunita' li ċaħditu, komunita’ li tibża’, komunita’ li tfittex min hu l-akbar, komunita' li tiddubita.

Kemm jista’ jiġrilna li aħna fil-fond ta’ qalbna nibdew nemmnu li Alla mhux se jżur il-komunita’ tagħna għax hi dgħajfa, imbeżża, maħmuġa, mhux denja.

Kemm jista’ jiġri l-istess fil-familji tagħna, nibdew bil-mod il-mod nemmnu li l-familji tagħna mhumiex lok fejn Alla jista’ jidħol. Kemm il-familji u kemm il-komunitajiet nsara jistgħu mhux biss jagħlqu imma jsakkru l-bibien għal Ġesu’, imma dan ma jfissirx li l-katnazzi ser jżommu lil Ġesu’ milli jidħol fil-komunitajiet u l-familji tagħna.

Ġesu’ jgħallimna li rridu nevitaw it-tentazzjoni li nitilqu ‘l barra mill-familja jew il-komunita’ tagħna għax fiha apparentment ma hemmx Ġesu’. L-ewwel darba li għażilna li nimxu wara Ġesu’ konna nafu li ser nidħlu f’relazzjoni ma’ nies li mhumiex qaddisin u lanqas perfetti madanakollu kellna tama sħiħa li aħna, magħhom nistgħu nħejju t-triq tal-Mulej. Konna nafu li ser inservuh fi knisja midimba u mperfetta, madankollu emminna bis-sħiħ f’Alla li jbiddel u jfejjaq il-qlub.

Jekk naqta’ qalbi li Ġesu’ jista’ jkun parti mill-komunita’ jew mill-familja tiegħi, anke jekk jiġi jżurna, ma nindunax bih!

Ejjew nitolbu lill-Mulej, biex l-istess sinjali ta' mewt fil-komunitajiet tagħna, fl-istess familji tagħna jkunu huma li jagħtu ħajja mill-ġdid. Tumas jagħraf lil Mulej, propju mis-sinjali tal-mewt, mill-pjagi. Dawk il-pjagi, issa, fil-ġisem ta' Ġesu' huma sinjali ta' ħajja. Għalhekk ma naqtgħux qalbna, u b'tama qawwija nemmnu li Alla mill-mewt kapaċi joħroġ il-ħajja. Għamilha f'Ibnu, jista' jagħmilha fina lkoll, għax Alla tagħna hu Alla tal-Ħniena!