III Ħadd tal-Għid

Agħfas hawn għal-Qari

Tħobbni int aktar minn dawn? Min min? Mill-appostli l-oħra? Mid-dgħajsa, mix-xibka, mill-ħut li qbadna? Skond l-istudjużi nistgħu nikkonkludu ukoll li Ġesu' kien qed isaqsi lil Pietru jekk iħobbux iktar minn dawk l-affarijiet illi hu setgħa b'kull dritt isejjaħ tiegħu, u allura iva, dak kollu li lil Pietru kien jagħtiħ ċertu sens ta' sigurta'. U allura iva, ix-xbiek, id-dgħajsa, il-ħut.

Donnu Pietru meta f'ħajtu ma jarax iktar lil Mulej, imur għal dak li dejjem għamel, jistad! Din setgħet ukoll kienet it-tentazzjoni tal-Knisja tal-bidu, tal-ewwel insara. Bosta kienu dawk l-insara li kienu jittamaw li ma kienux ser idumu jistennew lill-Mulej reġa' ġej fil-glorja, wara li kien telgħa s-sema. Imma bħal donnu ġara' xi ħaġa u ittardja. Kienet mistoqsija tajba li wieħed isaqsi: "U issa"? u li wieħed jikkonkludi "La ma ġiex kulħadd imur lejn daru, l-aħħar wieħed jitfi d-dawl u barra bid-daqq"!

Imma issa l-insara kellhom jitgħallmu jagħrfu jaraw lil Ġesu' mod ieħor. Issa d-dixxipli kienu mistiedna jibqgħu fidili fl-imħabba anke jekk "l-għarus iddawwar biex jiġi". Kellhom jibdew jirfinaw il-vista tagħhom u jaraw l-għemejjel tiegħu fil-ħajja ta' kuljum, kellhom jindunaw li huwa Hu, anke jekk ma jidhirx li qed ilestilhom il-ħut x'jieklu fuq ix-xatt, kien hu, il-KELMA tiegħu li qed tgħinhom jaqbdu il-ħut!

L-appostli u Pietru issa kienu qed jiġu mistiedna iħobbu lil Ġesu' anke meta il-preżenza tiegħu ma tkunx daqshekk evidenti.

U kemm jiġri lilna wkoll dan! Arana mimlija entużjażmu meta il-Mulej nħossuħ ħaj, magħna, għalina. F'dawk il-mumenti nħossuna fis-seba' sema. Imma x'jiġri meta Alla ma jibqax daqshekk evidenti f'ħajti? Nerġa' immur lura għall-affarijiet ta' dari, qabel ma beda kollox? Nerġa' ndur għal dak kollu li lili jagħtini sigurta'?

L-affarijiet ta’ qabel, pero’ huma tiegħi. Jistgħu jkunu diversi l-affarijiet tiegħi li jien nkun akkwistajt bil-ħila tiegħi. Hemm ukoll il-pjanijiet tiegħi, dak li jien ħsibt li hi jew ser tkun il-ħajja. Biż-żmien nitgħallmu, bil-mod il-mod inwarrbu dak li hu tagħna biex jieħu postu dak li hu tiegħu. Ħafna drabi aħna nsiru skjavi tal-immaġinazzjoni tagħna ta’ kif għandhom imorru l-affarijiet, imma l-ħajja tgħallimna mod ieħor. Ma jfissirx, li għax aħna immaġinajna hekk, bilfors kollox irid imur skond l-immaġinazzjoni tagħna.

Pietru wisq probabbli ħaseb li Ġesu’ kellu jkun Messija differenti minn dak li wera’ li kien. Pietru immaġina li qatt ma kien ser jiċħad lill-Ġesu’ imma spiċċa ċaħdu bil-goff. Qabel ma ċaħad lil Ġesu, Pietru kien għadu hu ċ-ċentru tas-sejħa tiegħu. Wara li ċaħdu, l-vokazzjoni ma baqgħetx tiegħu imma saret ta’ Ġesu’. L-imgħallem ikompli jagħżlu minkejja l-fraġilita’ tiegħu. Issa biss seta’ jifhem li kien tassew imsejjaħ.

Illum il-Mulej qed jistedinni nintelaq f'idejħ. Qed jistedinni nsir kapaċi nħalli lill-ħaddieħor ilibbisni u jeħodni fejn ma rridx. 

Biex nasal għal dal-mument ħaġa waħda hi bizzejjed: nemmen li hu għażilni minn dejjem u qed jerġa' jagħzilni illum, anke jekk ċħadtu tlett darbiet, jew iktar. Il-Kelma tiegħu dejjem l-istess: "Ejja Warajja"!