Solennita' tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej

Darba kont għall-quddiesa ta’ saċerdot li kien għalaq 25 sena jqaddes. Niftakar li l-knisja kienet mimlija nies u abbli l-patri beda jinkwieta xi ftit li fil-party l-ikel ma kienx ser iservi, għalhekk il-patri simpatiku fl-aħħar tal-quddiesa qal: “Kellna deċiżjoni x’nagħmlu: jew ftit jieklu ħafna jew inkella kulħadd jiekol ftit, imma jiekol kulħadd. Għażilna t-tieni waħda”. Ma nafx għaliex in-nies qabdu jċappċpu! Il-party kien sabiħ. L-ikel serva. U n-nies abbli ma ħarġux jgħidu: “Ajma kemm kilna” imma żgur li qalu: “Kemm ħadna gost”.

Ġesu’ fil-vanġelu tallum jidher li wkoll għandu problema bl-ikel u hekk kif l-appostli jmorru jikkonsultaw l-Imgħallem fuq il-fatt li kien sar il-ħin u li n-nies bdiet tgergrilhom żaqqhom,  hu mingħajr ma jaħsibha darbtejn iwieġeb: "Agħtuhom intom x'jieklu". Xi studjużi tal-Bibbja jgħidu li traduzzjoni iktar eżatta għandha tkun: "Agħtuhom lilkom infuskom x'jieklu". U propju dan huwa il-veru sens tal-Festa li qed niċċelebraw illum – is-solennita’ tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej.

Jekk il-ġimgħa l-oħra rajna li l-misteru tant sublimi tat-Trinita’ Qaddisa għandu konklużjonijiet tant prattiċi għall-ħajjitna, hekk ukoll il-misteru, li qed niċċelebraw illum - tal-Ewkaristija Mqaddsa, għandu għixien prattiku. Allaħares nikkuntentaw bil-fatt li l-misteri tal-fidi huma biss ħwejjeġ tqal li aħna nistgħu naduraw mingħajr ma nifhmu, jew inkella nirriduċuhom biss għal riti sbieħ imma li ma jbiddlux il-ħajja. Il-misteri tal-fidi, jekk ngħixhom fil-konkretezza tagħhom isiru għalina stil ta’ ħajja, u waqt li ngħixuhom, nibdew nifhmuhom, u mhux hekk biss, anzi naraw il-frott tal-għixien tagħhom.

Il-kliem ta’ Ġesu’ li kuljum, għall-sekli sħaħ u illum, jiġi irrepetut mijiet u eluf ta' drabi jgħid hekk: "Ħudu u kulu għax dan huwa ġismi, ħudu u ixorbu għax dan huwa demmi". Forsi Ġesu' ma tax ġismu fuq salib biex aħna ngħixu? Forsi ma kienx ġa, qabel ma spiċċa ma' salib sar kollox għall-kulħadd? Forsi ħinu mhux kollu għan-nies kien? Forsi ma kellux kelma għall-kulħadd? Ħajtu forsi ma kienetx għotja totali, sal-aħħar, mingħajr ebda kundizzjoni? Ħajtu kienet dan kollu! "L-aħħar qatra ta' demmek tajthielna" jmur jgħid il-poeta. 

Illum hija il-festa tal-Ewkaristija, hija il-festa tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, imma hija wkoll il-festa tagħna. Aħna ukoll, ma’ Ġesu’ illum fil-mument tal-konsaggrazzjoni sagramentali nitilgħu bis-saqajn tal-fidi fuq il-Golgota u nipparteċipaw fl-għotja totali ta’ Ġesu’ lill-Missier fuq is-salib, u nassistu għas-salvazzjoni tal-umanita’ kollha. Il-ħobż u l-imbid f’dak il-mument jimbidlu fil-ġisem u d-demm tal-Mulej li aħna nitmantu bih, ħalli hekk kif ninżlu minn fuq il-Golgota ta’ Ġesu’, nibdew tilgħajn il-ħafna golgoti u niltaqgħu mal-ħafna kurċifissi li trid tkun għajnejk magħluqa biex ma tarahomx fid-dinja u fis-soċjeta’ tagħna.

Illum il-Mulej qed jistiednek tagħti ħajtek, issir Ewkaristija, tagħti ġismek biex ħaddieħor jieklu, u demmek biex jixorbuħ. (Meta Ġesu' tkellem fuq dan ma fehmuhx, iġifieri ma niskantax jekk anke aħna insibu diffikulta' biex nifhmu). Ġesu' qed jistedinna biex ħajjitna issir Ewkaristija, offerta, għotja...għaliex? Biex kulħadd jiekol u jixba' kif ġralhom in-nies tal-Vanġelu tallum.

Immaġinaw dinja fejn kulħadd isir bħall-Ġesu', kullħadd jingħata bla kundizzjoni fl-imħabba! Xi ġmiel! Forsi qed nesaġera hux veru? Jew qed nippretendi iżżejjed! Vera, id-dinja kollha forsi ħafna, imma int li qed taqra tista' tibda tingħata b'iktar imħabba. Issir dik l-Ewkaristija li tirċievi. Tara kif id-dinja ssir ftit isbaħ.

Tibda tinduna li ma teżistiex biss l-ekonomija imma wkoll il-Providenza. Tibda tinduna li ma jeżistiex biss il-gwadann personali imma wkoll it-tqassim tal-ġid. Tibda tinduna li mhux biżżejjed tmur il-quddies, imma dik il-mejda mqaddsa trid isservi biex tagħmel mid-dinja tempju, u l-artal tal-ġebel isir l-artal tat-triq li fuqu int tagħti ħajtek u tingħata b’vittma biex ħaddieħor jgħix. Dan mhux ħolm, din mhix ideolġija u lanqas utopija. Din hija t-triq għall-ferħ, fejn ħadd ma jkun nieqes.

Il-Ħadd it-Tajjeb