X'ħela!

 

 

Issa dan mhux ġenn, ara min ikollu mitt nagħġa u għax titiliflu waħda joħroġ ifittixha u mhux talli hekk talli jagħmel ukoll festa meta jsibha. Liema ragħaj joħroġ ifittex nagħġa li tkun intilfitlu. Anke l-iktar ragħaj bilgħaqal u qalbu tajba jaf li fl-aħħar mill-aħħar in-nagħġa wisq probabbli tinbiegħ jew tintuża għall-ikel jew minnha ser jieħu il-ħalib. Dan ir-ragħaj partikulari ħafna. Wara li jaħli l-ħin ifittixha, jaħli wkoll il-flus biex jagħmel festa għax sabha. X’ħela!

 
U anke dik il-mara li tilfet id-drakma. Malli ssibha tonfoq il-flus biex tagħmel festa għax sabitha. Kieku ma sabet xejn ekonomikament kienet tibqa’ l-istess. X’ħela!
 
Il-Missier tal-parabbola ukoll galantom. Mela jagħti nofs gidu lit-tifel ż-żgħir, it-tifel jonfqu kollu, imbgħad imur lura d-dar għax bil-guħ, u il-missier minn fuq, joqtollu l-għoġol l-imsemmen, mhux xi għoġol kwalukwe imma l-imsemmen, u wkoll jordna li jgibulu l-aħjar libsa, u il-qorq f’riglejh, ic-ċurkett f’subgħajh! X’ma jinħaraqx l-iben il-kbir! X’ħela!
 
Hekk kieku jirragunaw wisq probabbli il-kittieba u il-Fariżej. Lil Alla kif jpinġiħ Gesu’ kienu jarawh wisq ħali. Hekk jigri lilna wkoll kull darba li nirranġunaw li Alla m’għandux ikun ħanin mal-midimbin. Hekk nirraġunaw ukoll kull darba nimmaġinaw li aħna tajbin u allura nistgħu niġġudikaw lil min hu ħażin. Imma hekk nirragunaw aħna ukoll kull darba li naħsbu li Alla ma jistax jaħfrilna d-dnubiet tagħna, kull darba li naħsbu li dnubna kbir wisq biex jistħoqqilna il-ħniena ta’ Alla. Ħasra li meta ma nemmnux li Alla għani fil-ħniena, aħna wkoll insiru xħaħ ma'ħutna fil-ħniena. Insiru bħall-iben il-kbir tal-parabbola, xħiħ fil-ħniena.
 

Innutaw ftit kemm hu għani fil-Ħniena dan Alla l-imbierek. Innutaw ftit li hekk kif l-iben jasal biex jagħmel l-istqarrija li hu ma jistħoqqlux iktar jissejjaħ iben, il-Missier iwaqqfu, ma jħallieħx ikompli, ma jridx jismà! Kemm jiġrilna lilna, li flok ħarsa ta’ ħniena nsibu l-akkużi. Alla żgur li ma jakkużax, hemm xi ħadd ieħor li jagħmel dak ix-xogħol – ix-Xitan. Satana jrid jifridna minn Alla u ma jifridx biss billi jwaqqana fi dnub, imma ma jiflaħx jarana nerġgħu nqumu. Hekk kif nerġgħu nqumu, u nitħabbu ma’ Alla juża arma oħra – s-sens tal-ħtija. Ix-Xitan jorbtok darbtejn; l-ewwel bi dnub, imbgħad bis-sens tal-ħtija. Jekk tagħtih widen teħel darbtejn; l-ewwel fi dnub, imbgħad fis-sens tal-ħtija. In-nisrani ma jafx b'sens ta' ħtija, imma b'indiema. L-indiema hi, li nagħraf li żbaljajt u jiddispjaċini, nirranġa mill-aħjar li nistà l-konsegwenzi tal-iżball tiegħi, imma fl-istess ħin naf li Alla qatt ma waqaf iħobbni.

Barra minn hekk aħna nafu li l-Mulej diġà ħelisna. San Pawl f’waħda mill-Ittri tiegħu jispara bomba, li jaħasra għadha ma splodietx f’qalbna. Araw x’jikteb San Pawl: Ħafrilna dnubietna kollha. Ħassar il-kont tad-dejn li kellna bl-obbligi li kien hemm kontrina; neħħieħ minn nofs u sammru mas-salib” (Kol 2, 14).  Smajtuha? Mhux biss ħafrilna, imma ħassar il-kont tad-dejn! Sammru mas-salib, iġifieri ħadd u qatt mhu ser jiġi jfittex xejn minn għadna. Għalhekk hija din l-imħabba li tħeġġeġ lil qalbna biex infittxuh, mhux għax aħna perfetti u qatt m’għamilna dnubiet, anke gravi imma għax hu fl-imħabba tiegħu qatt ma ċaħad li jkun Missierna. 

Hekk kif niltaqaw mal-ħniena abbundanti ta’ Alla, aħna wkoll insiru ħalja fil-ħniena mal-oħrajn. Kif ninduna li Alla ħabbni u ta’ ħajtu għalija, anke jien kważi inkun sfurzat mill-grazzja biex inħobb u nagħti ħajti għall-aħwa. 
 
Il-Hadd it-Tajjeb!