V Ħadd tal-Għid

 

 

 

Waħda mill-iktar professjonijiet importanti u li għadna bżonnha fis-soċjeta’ tagħna hija l-edukazzjoni! Jien wieħed minn dawk li nemmen li l-edukazzjoni hija dik it-triq li ssalva d-dinja. Jekk irridu l-paċi f’ħajjitna, hemm bżonn niġu edukati għaliha. Jekk irridu li nħaddnu l-fidi hemm bżonn niġu edukati għaliha. Ħafna drabi moħħna jibqa’ ċkejken, u l-attitudnijiet tagħna jibqgħu infantili għax ma sibniex biżżejjed min jedukana jew inkella għax aħna kellna interessi oħra għajr li niġu edukati.

Tifmhu li l-edukazzjoni mhix dik biss intelletwali. L-edukazzjoni li nixtieq nitkellem dwarha illum hija dik li tissejjaħ ‘formazzjoni’. X’inhi l-formazzjoni? Il-formazzjoni hi meta xi ħadd jagħtik forma. Meta xi ħadd jifforma, jkun qed jagħti forma lill-istudenti tiegħu. Mistoqsija tajba tkun: “Jien x’forma għandi”?

Qed nitkellem dwar il-forma li aħna msejjħa jkollna – il-forma ta’ Ġesu’. Huwa hu l-ikbar u l-aqwa edukatur, għalliem u formatur tagħna. Ġesu’ ma kienx jifhem biss fl-imwejjed, gradenzi u siġġijiet għax kien mastrudaxxa. Kien jifhem ukoll fil-ħobż (jitkellem dwar il-ħmira), kien jifhem fil-biedja (jitkellem dwar iż-żriegħ u l-ħsad). Kien jifhem ukoll fl-infrastruttura (jitkellem dwar kif tibni dar fis-sod – fuq il-blat). Kien jifhem ukoll fir-riħ u l-baħar (Sikket ir-riħ). Imma is-suġġett li fih kien espert ta’ veru kienet l-imħabba. “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi”, “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien”. Ġesu’ qed jgħidilna li biex inkunu ferħanin hemm bżonn inħobbu kif ħabb hu.

Tajjeb inwieġbu żewġ mistoqsijiet.

  1. X’inhi l-imħabba?
  2. Kif kien iħobb Ġesu’?

X’inhi l-imħabba? Ħafna drabi jkollna l-idea li l-imħabba hija biss kwistjoni ta' tgħannieq, bews u viċinanza fiżika. Ovvjament dawn huma kollha sinjali ta' mħabba, imma nafu wkoll li kultant jistgħu jkunu eżattament l-oppost ta' dak li oriġinarjament suppost li jfissru. Ġuda l-Iskarjota lil Ġesu' biesu, imma ħadd ma jista' jgħid li f' dak il-mument, li kien qed ibusu, kien qed iħobbu! Kultant għadna l-idea li l-imħabba hija biss dawk is-sentimentimenti romantiċi li nisimgħu f'ħafna mill-love songs. Jiġrilna li nifmhu l-imħabba biss fl-ewwel stadji tal-innamorament (falling in love). Nafu wkoll li anke f'dan il-mument l-imħabba tista' ma tkunx fil-verita' kollha tagħha, u jekk ma timmaturax isir biss ġirja sfrenata biex il-persuna li tħobbni timla l-vojt li nkun qed nġorr f'qalbi.

"Kif ħabbni Missieri hekk ħabbejtkom jien" jgħid Ġesu'. U kif ħabbhom Ġesu' lid-dixxipli tiegħu? Il-Vanġelu ma jgħidx li qagħad il-ħin kollu jgħannaq u jbus fihom. Mela kif ħabbhom? 

Ġesu' kien preżenti fil-ħajja tagħhom. Qabel xejn l-imħabba hija preżenza. Fuq id-dgħajsa, f'baħar imqalleb Ġesu' kien rieqed, imma kien hemm. L-imħabba hija dik il-preżenza ta' xi ħadd li ma jsolvilekx il-problemi, imma waqt li qed iġġorrhom qiegħed hemm, miegħek. 

Ġesu' ħabbhom billi jien kapaċi jismagħhom. Zgur li tiftakruh jisma' dak li kien qed itaqqal qalb Nikodemu meta kien imur għandu billejl biex jiftaħ qalbu miegħu.

Ġesu' ħabb id-dixxipli tiegħu billi sfidahom jemmmnu. Mhux dejjem kien ħelu magħhom. Darba minnhom insibuh jgħidilhom: "Kemm se ndum magħkom, kemm se ndum nissaportikom". Dak li kellu jgħidilhom, qalulhom u dan ma jfissirx li ma kienx iħobbhom. Għadna diversi minn dawn il-kummenti: "Nies ta' fidi żgħira", "Boloh u tqal biex tifmhu". Lil Pietru jasal jgħidlu: "Xitan".

Meta Ġesu’ kien iebes mad-dixxipli tiegħu, ma jfissirx li ma kienx iħobbhom. Kien qed ilaqqaghom mal-verita’ kollha tagħhom. Mhux biżżejjed li nkunu sinċieri, rridu tkunu fil-verita’. Pietru kien sinċier meta kien jgħid li lil Ġesu’ jħobbu imma ma kienx fil-verita’. X’iġifieri? Iġifieri ma kienx jaf sa fejn kapaċi jwassal.

Ħabbhom billi ma ċapsilhomx id-dnub tagħhom ma' wiċċhom. Kellu għalxiex itihom tgħajjira tajba hekk kif qam mill-imwiet, imma l-ewwel kliem li jlissen kien l-awgurju tas-sliem: "Il-Paċi magħkom". Minkejja il-fraġilita' evidenti tagħhom Ġesu' jafdahom bil-Vanġelu. 

J’alla aħna, bħala dixxipli tiegħu nitgħallmu nħobbu bħalu!

Il-Ħadd it-Tajjeb