Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu

 

Quddiem din ix-xena li jippreżentalna il-Vanġelu, forsi l-aħjar atteġament huwa s-silenzju. L-istess silenzju li żamm Ġesu’ quddiem Pilatu. Ġesu’ jiddefendi l-verita’ billi ma jiddefendix lilu nniffsu imma jistqarr l-identita’ vera u proprja tiegħu. Minkejja li ħafna drabi naħsbu u naġixxu mod ieħor, il-verita’ ma tridx ħafna paroli u diskorsi biex tiddefendi lilha nfisha. Il-Verita’ hija persuna li tagħmel veru lil kull min jgħix fiha. L-aħjar relazzjoni mal-verita’ hija li tgħixa, ħafna drabi fis-skiet, imma b'fedelta'. Is-silenzju ta’ ħajja mgħixa fil-Verita’ jgħajjat ħafna iktar mill-verita’ professata b’ħafna kliem.

Forsi l-aħjar inkunu, hemm mal-poplu bil-wieqfa, nħarsu, siekta nħarsu lejn is-Sultan Imsallab. Quddiem l-affarijiet li ma nifmhux, l-aħjar mod kif inpoġġu ruħna huwa fis-silenzju, naduraw il-misteru. U fil-ġrajja ta’ Ġesu’ fuq is-salib huma ħafna l-affarijiet li ma jinfthiemux.

Għaliex Ġesu’ li tant għamel tajjeb, li għamel biss tajjeb, li minn kull fejn għadda għamel il-ġid jispiċċa ma’ salib? Mhux inġustizzja li kważi tirrabjak, li tara lil min hu biss tjubija imsallab ma’ salib? U għalfejn kellhom is-suldati jgħadduh bi żmien? Forsi ma żidulux mat-tbatija li kellu? Forsi m’għamluhx is-salib iktar aħrax, forsi ma ndunawx li taħt dak is-salib kien hemm ommu? Almenu b’rispett tagħha ma misshomx baqgħu ħalqhom magħluq? Il-kapijiet ma setgħux kienu wkoll naqra iktar prudenti? Għalfejn wieħed mill-ħallelin beda jgħajjru? X’seta jgħajjar f’ Ġesu’? Fuq kollox, x’hemm x’juri li Ġesu’ huwa sultan, f’din l-istorja kerha, imdemmija, ta’ bniedem – Alla imsallab?

Dawk kollha li jgħaddu biż-żmien lil Ġesu’, is-Sultan Imsallab f’dak il-mument jinstigawħ biex isalva lilu inniffsu, u lilhom. Ġesu’ fqir fl-Ispirtu, imnikket, ġwejjed, bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, bniedem li jġib il-paċi, qalbu safja, jispiċċa persegwitat u mgħajjar bil-ġid li għamel f’ħajtu. Il-loġika ta’ Ġesu’ li jsalva lill-oħrajn, u mhux lilu inniffsu ma tinfthiemx.

Għaliex ma jsalvax lilu inniffsu? Ġa kellu l-okkażżjoni fl-ort tal-Ġestsemani: “Mgħallem, nagħtu bis-sejf?” u tilifha. Ġesu’ propju juri li hu Sultan f’dak il-ħin, fejn kollox hu dnub u mewt. Juri li hu ‘l fuq mis-sitwazzjoni billi ma jħallix is-sitwazzjoni tkaxkru. Il-preokupazzjoni tiegħu mhux li jsalva lilu innifsu imma jsalva lil kull min iħares lejħ u jemmen li l-imħabba hija possibli, li tħobb sal-aħħar mhix ħolma, mhix fantasija, imma verita’. Ġesu' fuq is-salib jitlob għal min kien għadu kif sallbu, araw naqra kemm ma ħalliex is-sitwazzjoni tfarrku! Ġesu’ huwa is-Sultan ta’ dik is-sitwazzjoni, dak il-ħin u għall-dejjem fil-qalb tad-dixxipli tiegħu. Ġesu’ iva jsalva lilu inniffsu billi jintelaq f’idejn Alla. Jibqa’ sid tas-sitwazzjoni tant li jwiegħed il-ġenna lil wieħed mill-ħallelin.

Hemm hu is-Sultan, Sultan tal-imħabba, li sal-aħħar jibqa’ jagħti ħajtu, il-kalċi jixorbu kollu. 

Aħna fejn aħna? Aħna bħalu slaten fl-imħabba li lesti immutu biex in-nagħaġ tagħna jgħixu? Aħna x’irridu nsalvaw l-unur tagħna, jew inxammru il-kmiem, ngħixu il-vanġelu bil-fedelta’ niċċapsu ma’ umanita’ li trid tmut għall-min tħobb imma dejjem issib min jgħidilha biex tibqa’ fuq is-sufan komda komda? Il-Vanġelu jsallabna, imma jeħlisna. Il-Vanġelu iġegħlna nitilfu ħajjitna biex nerbħuha. Il-Vanġelu jagħmel li f’għajnejn uħud insiru boloħ, nistgħu naħarbu imma ma naħarbux, nistgħu nagħżlu il-faċli imma nagħżlu l-itqal. Nistgħu nagħżlu li nsalvaw ħajjitna imma nagħżlu li nsalvaw ta’ ħaddieħor. Hekk kif għamel hu, li ġġieled l-inġustizzja fuq ħaddieħor, imma meta ġiet fuqu għannaqha miegħu.

Dan hu s-Sultan li jagħti ħajtu b’fidwa għall-bosta. Dan hu is-Sultan li ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi. Dan hu is-Sultan li jaf li l-imħabba mhix paroli. Dan hu s-Sultan li fuq l-eżempju tiegħu eluf taw ħajjithom biex ħaddieħor jgħix; mijiet ta’ mijiet li tul dawn l-elfejn sena ta’ kristjaneżmu fdew id-dinja bl-imħabba, ħafna minnhom illum kif ukoll ilbieraħ minsija. Imma għax bħalu jibqgħu iħobbu anke meta dik l-imħabba tissarraf f’salib, f’mewt, isiru slaten tal-imħabba u jbiddlu dan il-wied ta’ dmugħ f’ġenna tal-art.

 

Il-Ħadd it-tajjeb