IV Ħadd tar-Randan
Fariżew kien Nikodemu. Moħħu forma ta’ Liġi! Madanakollu jmur għand l-Imgħallem. U dan Ġesu’ għandu ħabta li lil min jirraġuna wisq b’qalbu jgħinu juża naqra iktar moħħu u lil min jaħseb iktar b’moħħu jgħinu jagħraf iktar b’qalbu. Nikodemu ma jistax jifhem xi tfisser titwieled mill-ġdid. Forsi fil-kodiċi tal-liġi lhudija dan it-terminu ma’ kienx jintuża. U allura Ġesu’ jkellem lil qalb: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fiH ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem”.
Min jemmen fl-imħabba jsalva. Ġesu’ jgħid li meta ser jintrefa’ ‘l fuq ser jiġbed lil bnedmin kollha lejh. Ġesu’ qed jistedinna biex nħarsu lejn il-Kurċifiss u nemmnu. Hija din l-imħabba li ssalva, li tfejjaq. Quddiem il-kurċifiss jien jista’ jkolli reazzjonijiet differenti. Nista’ nirrabja għall-Alla li tilef, li ħalla lil kulħadd jagħmel li jrid bih, li ħallihom jibżqulu, jgħajjruh jew issalbuh. Nista’ nirrabja għall-Alla li ħalla lil Ibnu jissammar ma’ salib mingħajr ma għamel xejn. Nista’ nkompli nirrabja għax Alla donnu anke illum ma jagħmel xejn quddiem il-ħażen fid-dinja. Din hija l-kundanna, li fis-salib nara biss storja li spiċċat ħażin, Alla li jastjeni li jagħmel xi ħaġa, li ma jieħux pożiżżjoni. “U allura”, nirraġuna, “la ma jagħmel xejn hu nagħmel xi ħaġa jien”. Jiġrieli iżda li ninsa li rabja ġġib rabja, sejf iġib sejf u vjolenza ġġib vjolenza”.
Minn naħa l-oħra nista’ nħares lejn il-kurċifiss u nemmen fl-imħabba u dik l-imħabba ssalvani.
Il-Kurċifiss jgħallimna il-FEDELTA’. L-Iben ta’ Alla jibqa’ fidil sal-mewt għall-messaġġ ta’ mħabba li kellu jwassal.
Il-Kurċifiss jgħallimni nkun IBEN. Alla bagħat lil Ibnu għax l-Iben biss seta’ jgħidilna: “Kif ħabbni il-Missier, hekk ħabbejtkom jien u hekk iħobbkom Hu”. Fedelta’ u mħabba sal-mewt!
Il-Kurċifiss jgħallimni li mal-VERITA’ MA NILGĦABX. Hu stess jgħid fl-aħħar versi tal-Vanġelu li smajna jgħid li min hu fil-verita’ m’għandux għalxiex jibża’. Jibża’ min hu giddieb għax jaf li llum, għada jew pitgħada is-sewwa jirbaħ. “Għax kull min jagħmel il-ħażen jobgħod id-dawl, u ma jersaqx lejn id-dawl, biex għemilu ma jinkixifx. Imma min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f’għemilu”.
Il-Kurċifiss jgħallimni li biex nagħti l-ħajja lil xi ħadd IRRID IMMUT għalih. Kull mewt, li hija frott ta’ għotja dejjem ser tħalli l-ħajja f’xi ħadd.
Dawn huma xi ftit mill-grazzji li jiġru fina meta nħarsu bil-fidi lejn il-kurċifiss. Hu intrefa’ ‘l fuq, jonqos issa li aħna nħarsu lejh bil-fidi u nħalluh ifejjaqna.