Id-Dsatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Ġesu’ jinsab fi triqtu lejn Ġerusalemm, fejn hemm ser ikun ‘mogħti’. Ġesu’ fl-għajnejn tal-bnedmin huwa iktar bniedem fallut u deludenti. Għal xi wħud, Ġesu’ huwa dak li jitkellem is-sewwa, għall-oħrajn huwa xi ħadd b’qawwa speċjali li jfejjaq, għall-oħrajn huwa xi ħadd li jinstiga polemiċi mal-awtoritajiet reliġjużi. Huwa deludenti għal min ħaseb li Ġesu’ jista’ joħloq xi sistema polika li twaqqa’ l-opressjoni rumana. In-nies iridu lil xi ħadd prattiku li jbiddel is-sistemi kollha u joħloq sistema perfetta ta’ awtorita’. Imma dan mhux il-ħsieb ta’ Ġesu’.

Il-komunita’ ta’ Ġesu’ mibnija fuq l-imħabba, u normalment biex twaqqa’ sistema ta’ oppressjoni trid il-vjolenza. Ġesu’ jwaqqa’ is-sistemi inġusti billi ma jipaprteċipax fihom. Ġesu’ joħloq komunitajiet alternattivi fejn fihom issaltan l-imħabba. Ġesu’ mhux vjolenti, u allura il-ħsibijiet għolja ta’ rivoluzzjoni mhumiex il-ħsibijiet tiegħu. Ġesu’ ġie biex jibni is-Saltna, u s-saltna tiegħu ma timbeniex la permezz ta’ rivoluzzjoni u lanqas permezz tal-mibgħeda. Is-saltna tiegħu timbena fuq il-qadi, l-imħabba tal-aħwa u tal-għedewwa, il-maħfra, it-tjieba u l-ħniena. Għalhekk il-komunita’ tiegħu hija fraġli; ftit irġiel u nisa li jibqgħu fidili għal-kmandament tiegħu tal-imħabba.

Mhux ta’ b’xejn li jibqa’ jagħmel sens għall-kull żmien il-kliem mimli mħabba ta’ Ġesu’ lejn il-komunita’ tiegħu: “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna”! Il-Komunita’ ta’ Ġesu hija realta’ fraġli ħafna, fl-istess ħin qawwija. Fraġli għall-loġika tad-dinja li tehda fil-poter u taħseb li l-poter jista’ jsalva lil xi ħadd. Kemm ideoloġiji matul l-istorja proponew ħelsien, imma wara li qerdu lil min kien qed jġib oppressjoni, imbiddlu huma stess f’qawwa iktar ħarxa ta’ oppressjoni. Kemm ideoloġiji proponew bidla fi strutturi ta’ inġustizzja, imbgħad saru huma stess struttura ta’ inġustizzja, agħar minn ta’ qabilhom. L-istorja tal-umanita’ mimlija b’eżempji bħall-dawn.

Il-komunita’ ta’ Ġesu’ tiddeċiedi li tibqa’ fraġli, li ma tipparteċipax f’dawn l-istrutturi. Hi wkoll, bosta drabi tkun ittentata li tikber, li toħloq strutturi u duttrini li ma jintmessux, imma l-qawwa tagħha ma tinsabx fl-istrutturi u anqas f’duttrini bla qalb, imma fil-fraġilita’ tar-riżorsi tagħha. Il-bidla vera ma ssir qatt permezz ta’ ideoloġiji u lanqas permezz ta’ strutturi ta’ poter. Il-komunita’ ta’ Ġesu’ tbiddel mill-qiegħ, minn realtajiet umani profodament fraġli imma li jgħixu bil-fedelta’ il-vanġelu u joħolqu fejn jgħammru biċċa mis-saltna fuq l-art.

Matul dawn il-ġimgħtejn il-knisja tippreżeltalna sħaba kbira ta’ xhieda li kollha kemm huma, meta kienu fuq din l-art għenu fil-bini ta’ biċċa mis-Saltna. San Duminku tħabat għall-verita’, Edith Stein għexet il-verita’ moħbija minn kulħadd fil-klawsura, Lawrenz Martri ta’ Ruma wera’ x’inhu l-ġid veru tal-knisja, Kjara minn Assisi għenet fil-bini ta’ komunita’ fejn ħadd ma jkollu xejn imma kulħadd ikollu kollox, Massimiljanu  Kolbe ta ħajtu biex jara wieħed raġel, li anqas biss kien, jingħaqad mill-ġdid ma’ martu. Kollha nies fraġli kienu dawn, madanakollu huma, u l-komunitajiet nsara tagħhom ħolqu biċċa minn dik id-dinja fejn fiha kulħadd isib postu, mingħajr ġlied, mingħajr oppressjoni, mingħajr ideoloġiji togħma ta’ mewt.

Forsi il-qawwa ta’ Lawrenz u Kjara ma kienux aqwa mill-ġid kollu li setgħa kellha l-Knisja jew l-Imperu Ruman? Forsi il-qawwa ta’ Duminku ma kienetx aqwa minn kull gidba u llużżjoni li spiss min ikun fil-poter irid ibellgħa lill-poplu. Forsi l-għotja ta’ Edith Stein u ta’ Massimiljanu Kolbe ma tilmax iktar mill-ideoloġija qerrieda ta’ Ħitler. Iva, forsi f’għajnejn id-dinja dawk kienu telliefa, imma żgur li kulħadd jixtieq jgħix ma’ dawn in-nies li ħolqu biċċa mis-saltna ta’ Alla fuq din l-art.

Dawn ma emmnux fi trijonfaliżmu tad-dinja u tawna tama għal dinja aħjar. Ma kilithomx ix-xewqa li jikbru, li jkunu b’saħħtitom imma għażlu t-triq tal-umilta’. Emmnu li aħna merħla ċkejkna u ħadd ma qalilna li hemm bżonn inkunu bil-gzuz. Anzi kull meta nkunu ftit, abbli qed nkunu sinjal ċar li m’għadniex il-qawwa nimmanipolaw il-masses. Il-qawwa mhix qiegħda fli tkun kapaċi timmanipola, imma li tipproponi stil ta’ħajja fejn fih ħadd ma jkun nieqes, u dan qatt mhuwa nieqes mis-sagrifiċċju. Il-qawwa tagħna hija fiċ-ċokon. Fina ma tridx tidher il-qawwa ta’ trijonfaliżmu għax it-triq tagħna hija oħra – is-salib ta’ Ġesu’ Kristu, il-ħasil tar-riġlejn u l-għotja tal-ħajja fl-imħabba.

“Meta jkun hemm it-trijonfaliżmu, Ġesu’ m’huwiex hemm. Jew, jekk hemm trijonfaliżmu huwa l-pass li jmiss għall-Ġimgħa l-kbira. L-uniku trijonfaliżmu  veru li joqgħod huwa dak ta’ Ħadd il-Palm. Il-Mulej qiegħed hemm. Dak it-trijonfalimu qed jgħidlek: “Ħejji ruħek għall-dak li ġej...”. M’hemmx soluzzjonijiet maġiċi. Dak huwa l-kriterju tiegħi: it-trijonfaliżmu mhuwa qatt ta’ Ġesu’. It-trijonf ta’ Ġesu’, dak veru, huwa dejjem fuq is-salib!” (Papa Franġisku, Il-Qawwa tal-Vokazzjoni, il-Ħajja Kkonsagrata illum, Intervista ma’ Fernando Prado, PRECA, 2019)