II Ħadd tar-Randan

“Kemm hu sew li aħna hawn”! Kemm ilek ma tgħidha din il-frażi? Kemm ilek ma tgħid li fejn qiegħed tinsab tajjeb. Jekk bħalissa qed taqra din ir-riflessjoni, għax tħoss li l-omelija li qed tisma’ mhux tal-gosti tiegħek żgur li s-sentimenti tiegħek immorru ‘l bogħod ħafna minn: “Kemm hu sew li qed hawn”! Spiss jiġri fil-ħajja tagħna, li tant inkunu mtaqqla b’dak li nkunu għaddejjin minnu li nsibuha diffiċli nistqarru li fil-ħajja baqa' xi ħaġa sabiħa, xi ħaġa li għalija jiswa' li tgħix u tmut?

Illum Ġesu’ qed jistedinna nikkontemplaw is-sbuħija tiegħu b’moħħna fis-salib. Innutaw naqra li il-ħbieb ta’ Ġesu’ jgħidu li huma ferħanin li jinsabu hemm, waqt li hu, ma’ Mose’ u Elija kien qed jitkellem fuq “it-tmiem ta’ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm”! U aħna li ġejna wara nafu kif kellu jkun it-tmien ta’ħajtu. Sbuħija u ferħ, salib u tbatija jitħawdu f’xulxin.

U x’inhi il-ħajja tan-nisrani jekk mhux din it-taħwida kollha, ta’ salib u ferħ, ta’ sbuħija u niket? Kemm jien kapaċi ninduna li fil-ħajja mhux kollox imur żmerċ? Kemm jiġrili li f’mumenti diffiċli ma nibqa’ nara xejn? Kollox isir dlam u nibda kuljum nemmen li dak id-dlam ser jibqa’ għal dejjem? Anke jien, l-istess bħall-appostli nibża xħin nidħol fl-isħaba imma propju minn dik is-sħaba joħroġ il-leħen li jgħidli: “Dan hu Ibni il-maħbub, lilu isma’”!

Propju waqt li donnu li kollox ġej ħażin li Alla jgħidli li huwa miegħi, li jaf min xiex inkun għaddej. Forsi il-problemi ma jitilqux, imma nibda narahom b’mod differenti, għalija minflok kundanna isiru mezz ta’ salvazzjoni. Nibda ftit ftit nifhem li Alla jaħdem kollox għal ġid ta’ dawk li jħobbuħ. Nibda nkun kapaċi ngħid “Iva, kemm hu sew li qed hawn, minkejja li l-ħajja tiegħi ta’ ġenitur donna falliet, l-istess ir-relazjonijiet tiegħi, l-istess ix-xogħol pastorali tiegħi”.

Iebes dan il-kliem, min jista’ jifhmhu? Mulej agħtina d-dehen.