III Ħadd tar-Randan

Ejjew nibdew...inxammru il-kmiem

Ma nafx intom imma jien niddejjaq nistenna. U xi kultant li tistenna kapaċi jsir xi ħaġa insopportabbli. Ngħidu aħna meta tkun qed tistenna ir-riżultat ta’ xi interview għal xi xogħol ġdid, ir-riżultati tal-iskola, jew dawk mediċi.

Jista’ jiġrilna wkoll li kultant ngħejjew nistennew lil xi ħadd jikber, lil xi ħadd jimmatura. Għal min hu edukatur jaf tajjeb kemm li wieħed jikber u jimmatura huwa proċess li jieħu ż-żmien u jirrikjedi ħafna paċenzja. Kemm ġenituri jixtiequ li t-tfal tagħhom jifmuhom mill-ewwel f’dak li jgħidulhom għal ġid tagħhom? Kemm għalliema jkunu jixtiequ li dak li jgħidu jaqa’ fuq widnejn miftuħa li lesti jitgħallmu u jifhmu?

Ħafna drabi jiġri ukoll li ngħejjew nistennew lilna nfusna nikbru. Irridu nsiru tajba u perfetti mill-lum għal għada. Inkunu rridu kollox lest fl-iktar ħin qasir possibli. F’dinja fejn huma moda il-crash courses u  tiġi offruta lilna l-kapacita’ li nitgħallmu lingwa f’sajf mingħajr ma jonqos il-ħin għall-baħar u d-divertiment, kull ħaġa li tieħu ż-żmien tgħejjina. 

Jista' jiġrilna li nibdew il-ħajja nisranija b'entuzjazmu imma hekk kif ifeġġ l-iebes naqtgħu qalbna. Nindunaw li nkunu addotajna stil ta' ħajja nisranija li hija biss ilbies minn barra u mhux parti ntegrali minn natura tagħna. Inħossu iva, li bdejna ngħixu il-ħajja nisranija bis-serjeta’ imma jiġu mumenti fejn donnu kollox jisfa’ fix-xejn u nsibuna naħsbu kif konna naħsbu ilbieraħ meta lil Ġesu’ konna għadna m’għarafniehx. Insibuna nagħmlu affarijiet li konna ddeċidejna li ma nagħmlux iktar. Insibuna ma nagħtux il-frott. U arana naqtgħu qalbna u ngħidu li kollox għal xejn. Jiġrilna li nkunu nixtiequ nikbru tassew, imma ma nkunux lesti għall-isforz illi kull maturita’ tirrikjedi. F’kelma waħda ninsew dak li kien jgħid Dun Ġorġ Preca li l-qdusija mhix f’erba t’ijiem!

Alla, bħala edukatur eċċellenti jixtieq li aħna nikbru u nagħmlu l-frott. Il-gost ta’ Alla hu li lilna jarana nikbru, nisbieħu, nimmaturaw, nagħmlu deċiżjonijiet li  jibnuna u għal dan jagħtina iż-żmien. Propju dan li qiegħdin ngħixu matul dan ir-Randan. Qed nippruvaw naraw fejn wasalna s’issa, u fejn nixtiequ naslu. Bejn ‘hawn’ u ‘hemm’ jeħtieġ nagħmlu biċċa triq. Din it-triq nistgħu nagħmluha jekk ikollna il-fiduċja li dak li jaħdem l-għalqa lis-siġra mhux ser jaqlagħha, anzi ser jagħmel minn kollox biex ma tinqgħalax, ser jagħżaq madwarha, u ser jagħtiha d-demel.

U jekk hu qed jieħu paċenzja miegħi, kif ma neħux l-opportunita’ biex miegħu nagħmel minn din is-siġra waħda għammiela? Illum għandi opportunita’ ninduna li m’għamiltx frott, jew li għamilt ftit. Illum għandi l-possibilita’ ninduna li Alla miegħi, u ser jgħini nikber. Iva ser ikun hu li jagħmel minni persuna sabiħa. Mela x’qed nistenna? Nibda miexi b'entuzjazmu, fermezza, mingħajr ma naħli ħin, kif ukoll mingħajr ma nippretendi li ħa nagħmel il-frott mill-lum għal għada. 

Il-Mulej jagħtikom is-sliem