Il-Magħmudija tal-Mulej

Il-Ħadd li għadda iltqajna mal-Maġi li jmorru Ġerusalemm, ifittxu fejn twieled il-Messija u jibqgħu bla tweġiba. Imorru għand in-nies istruwiti fil-Kelma ta’ Alla u fil-liturġija, u dawn, iva jagħtu indikazzjoni ta’ fejn kellu jitwieled imma huma ma jmorrux ħdejh. Jibqgħu komdi komdi fit-Tempju.

Tletin sena wara is-sitwazzjoni għadha l-istess. Il-poplu ma jmurx it-Tempju jfittex lil Alla imma jmur fid-deżert għax jilmħu fi Ġwanni bniedem integru, ‘l bogħod mit-tiżjin u l-protokolli, imma bniedem veru li jfittex li f’ħajtu jagħmel ir-rieda ta’ Alla.

In-nies għatxanin għall-Messija, jibdew jaħsbu li l-Battista huwa dak imwiegħed imma Ġwanni, ċert mill-identita’ tiegħu, jxejjen fin-nies kull konklużżjoni li huwa seta’ kien il-Messija.

Ġwanni lin-nies jagħmlilhom pjaċir. Jippurifika x-xewqat u l-konklużżjonijiet żbaljati tagħhom. Ġwanni, huwa iva, bniedem koerenti imma mhux il-Messija.  

Donnha id-dinja, illum elfejn sena wara għadha l-istess. Tixtieq Messija li jsolvilha l-problemi kollha tagħha. Illum ukoll, ħafna drabi nsibuna rridu l-affarijiet li jista’ jtina l-Messija imma mhux neċessarjament lilu.

Kemm drabi nsibuna nħalltu l-esperjenza ta’ Alla ma’ persuni kariżmatiċi li jafu jitkellmu sabiħ, jwiegħdu ħafna imma jagħtu ftit. Kemm -il darba nsibuna naħsbu li għamilna esperjenza ta’ Alla għax parti minn grupp li jagħmel laqgħat ta’ talb emozzjonanti, imma jitma’ biss il-ġuħ għal emozzjonijiet sbieħ, imma ma jqabbdukx ġuħ għall-konverżjoni. Kemm -il darba insibuna niġru biss wara knejjes sbieħ u liturġiji perfetti bl-illużżjoni li hemm jinsab Alla.

Imma Alla mhux ekwivalenti biss għal knejjes sbieħ, liturġiji perfetti, tonok, kurduni, festi, leaders kariżmatiċi, u dak kollu li nistgħu naħsbuh ‘messija’ meta Messija ma jkun xejn. Dawn kollha huma tajbin, u tajbin ħafna imma xorta jibqgħu dell ħdejn dak d-dawl li hu, u jrid jagħtina Alla.

Alla ma jwiegħedx affarijiet imma jagħti sens lill-ħajja. Alla mhux dejjem jitma’ l-ġuħ għall-emozzjonijiet qawwija imma jagħti serħan il-qalb. Alla mhux dejjem jagħmel mirakli, imma jagħti sens ta’ fidwa lit-tbatija. Alla mhux marbut ma’ postijiet u skemi imma jagħti liberta’ tal-ispirtu li ġġiegħlek titlef kollox biex tikseb lilU. Alla mhux marbut mal-ilbies ta’ barra imma ma dik il-libsa ‘habitus’ li ssir abbitudni (habit) għal kull ma hu tajjeb, li ssir virtu’. Alla ma jsejjaħx biex tilbes id-deheb minn barra, imma biex tilbes il-bniedem il-ġdid. Alla, mhux fejn hemm organizzazzjoni li ma jonqosha xejn, li taħdem biex tkun fis-sod imma f’kull bniedem li jaċċetta l-verita’ dwaru nniffsu li hu dgħajjef u jiftaħ qalbu għall-ħniena ta’ Alla. Alla hu fejn hemm il-poplu tiegħu; hu kif inhu. Alla hu fejn hemm qlub miftuħa, li ma jiddejqux jitgħammdu fejn jitgħammdu l-midimbin, fejn hemm bnedmin ma jitilgħux fuq pedestalli, u kapaċi jgħidu bil-verita’: “Ma jistħoqqlix”.

Ġesu’ kien dan kollu, u akkużawh li ma kienx jemmen, li kien inqas minn Abraham, li kien wikkiel u sakkranazz, li kapaċi jsalva lill-oħrajn imma mhux kapaċi jsalva lilu nniffsu, li qal diskors kontra l-awtorita’ politika, li qal diskors kontra t-tempju, li kien jidgħi, li jikser il-liġi ta’ Alla għax ifejjaq f’jum is-Sibt. Imma xejn ma waqqaf lil Ġesu’ li jkun ħieles fl-Ispirtu.

Imma x’kien li ħalla lil Ġesu’ għaddej minkejja l-persekuzzjoni li laqqgħat kemm mill-poplu, kemm mill-awtorita’ ċivili u dik reliġjuża? “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”. Propju din kienet l-identita’ ta’ Ġesu’ li ħallietu għaddej; il-fatt li kien jaf li kien l-Iben il-maħbub.

L-Aħbar it-Tajba – Int ukoll l-iben il-maħbub, jew il-bint maħbuba ta’ Alla. Qatt taqgħa għal gidba satanika li Alla għandu xi ħaġa kontrik jew li Alla ma jħobbokx. Ħallih jippurifikalek l-idea żbaljata li hu l-Messija tal-mirakli, mhuwiex, hu Missier li jħobb, li jifdik għax ilaqqgħak ma’Ibnu u jitfa’ fik l-istess sentimenti li kellu hu. Int ukoll tasal tgħid “ma jistħoqqlix”, mhux għax int ħażin, imma għax tinduna li ħadd u xejn ma jgħaddih fil-verita’, fil-ħniena u fl-imħabba.