Ir-Raba’ Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

“Dan ta’ġewwa”! U propju għax ta’ ġewwa Ġesu’ ma jiġix milqugħ; għax jafu minn hi l-familja tiegħu ma jistennew xejn speċjali mingħandu. Kemm jiġri li propju fil-kuntest familjari, fejn wieħed l-iktar li jistenna li jkun milqugħ, propju hemm, iħossu barrani. Waħda mill-ikbar weġgħat li jista’ jkollu l-bniedem hija li jħossu barrani propju fejn l-iktar li jistenna li jħossu komdu, milqugħ, ta’ ġewwa. It-tentazzjoni, meta wieħed jħossu hekk hija dik li jimbidel jew inkella li jbiddel dak li jgħid biex almenu jħossu ftit iktar maħbub u aċċettat.

Ġesu’ milli jidher ma kienx ibati mill-ossessjoni li jrid bilfors iħossu aċċettat. Minkejja li jippruvaw inaqqsu l-valur ta’ dak li jkun qed jgħid billi jagħmlu, f’tebqa’ t’għajn, rikors għall-arblu tar-razza, ma jbiddilx kliemu anzi, juri li kien qed jistenniha rejzzjoni bħal dik. Ġesu’ ma jkiddux l-fatt li ġej minn pajjiż li donnu minsi minn Alla; Nazaret li ma jissemma lanqas fl-iskrittura; lanqas ma jkiddu l-fatt li jafu min hi l-familja tiegħu, familja b’oriġini sempliċi fejn seta’ kien għad hemm id-dubju jekk Marija qattx kienet infidila lejn żewġha. Ġesu’ jibqa’ għaddej.

Kemm -il darba tista’ tiġri lilna din; li għax ta’ ġewwa, li għax ħbieb, xi ħadd jistedinna li nagħwġu l-verita’ jew li forsi li nagħlqu għajn waħda. Kemm tista’ tiġri li għax xi ħadd ikun jafna sewwa, jpoġġi fid-dubju kliemna. Kemm jista’ jiġri li nippreferu li n-nies jibqgħu kif inhuma, saħansitra injuranti u ingannanti għax jekk jaħslu jimbidlu kapaċi jqajjmu paniku sħiħ. Kemm naddottaw l-istatus quo basta ħadd ma jdejjaqna. Ġesu’ jibqa’ fidil għall-verita’, anke jekk apparentament ma jiġix aċċettat.

Drajna wisq, il-gidba li jgħid il-verita’ min jilqa’ l-iktar ċapċip. Normalment min għandu interessi oħra ‘l hinn minn dawk li jkun qed juri,  juża’ din bħala arma biex isikket il-verita’. Kemm nies fl-istorja għamew nies oħra u mmanipulawhom basta ħadu li riedu minn fuq darhom. Normalment, meta l-verita’ tiġi mgħawwġa, ibatu propju dawk il-valuri li jagħtu l-ħajja. Imbgħad, jasal il-mument meta dak li jkun jiftaħ għajnejh, imma normalment il-ħsara tkun ġa saret u t-triq lura tkun kemmxejn diffiċli.

Ġesu’ jibqa’ sod fil-verita’ li kellu jxandar anke jekk kien f’riskju li jkejjel ix-xifer tal-irdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom. U propju, nies bħal Ġesu’ huma dawk li jgħallmuna li mal-verita’ m’hemmx ċajt. Jiftħilna għajnejna li hemm min jieħu gost jgħawweġ il-verita’ jew bex jidher sabiħ, jew biex jibqa’ jgawdi l-poter, jew għax jibża’ jkun skomdu, jew inkella għax irid jieħu xi ħaġa minn fuq dahrek.

Ġesu’ juri biċ-ċar li l-kelma t’Alla ħadd ma jwaqqafha, u jekk ma tiġix milqugħa f’post, tagħmel il-frott f’imkejjen oħra fejn il-qlub huma miftuħa biżżejjed biex iħalluha tagħmel minnhom art għammiela. Jagħtihom żewġ eżempji mill-iskrittura fejn il-kelma għamlet il-frott f’żewġ individwi li kienu meqjusa ‘pagani’. Pagani jew mhux, kellhom qalbhom miftuħa u il-Kelma għamlet il-frott.

J’alla ma nibżgħux inkunu fidili għall-Kelma, għall-Verita’ anke jekk din timplika prezz qares li jkollna nħallsu. Aħjar tmut ta’ profeta, milli tmut ta’ ġifa! Aħjar bniedem ta’ prinċipju milli qasba tixxejjer mar-riħ! U tnkwetax, jekk ma jilqgħukx f’belt, jilqgħuk f’oħra. Il-valur tiegħek ma jiddependix minn kemm iċapċpulek, għax normalment iċapċpulek sakemm ittihom dak li trid, u tgħidilhom dak li jixtiequ jisimgħu. Meta tieqaf, jħaġġruk, u jistgħu jkunu ta’ ġewwa stess. Mela tinkwetax wisq, int ġa maħbub anke jekk ma jċapċpulekx!

Il-Mulej jagħtikom is-sliem