It-tieni Ħadd matul is-sena

Immagina ftit li tkun waqt tieġ u jiġri xi ħaġa bħal dak li ġara f’Kana tal-Galilija. Immaġina li jispiċċa x-xorb u l-għarajjes jispiċċaw jagħmlu il-brindisi, mal-qsim tal-kejk, u fit-tazzi flok xampanja jkollhom ilma! Insomma, jekk ma tkunx għażla tagħhom li jkollhom tieġ bla alkaħol, tkun sitwazzjoni naqra imbarazzanti, hux vera? U żgur li hekk ħassewhom dawn iż-żewġ miżżewġin friski minn Kana tal-Galilija.

Il-festa tat-tieġ fi żmien Ġesu’ kienet tieħu minn tlett ijiem sa gimgħa u ma kienux jagħmlu inviti għax ir-raħal kollu kien ikun mistieden. Biex ikunu ċerti li kollox imur tajjeb kienu jaqbdu raġel responsabbli biex jieħu ħsieb kollox hu, qisu dak li aħna insejħulu il-bestman. Pero’ f’dan il-kaz dan l-imbierek man ma tantx kien best għax donnu qas biss induna li din il-koppja kienet fil-bżonn. Imma waħda mara tinduna, Marija, Omm Ġesu’.

Marija hija attenta għal dak kollu li kien qed jiġri, tmur għand Ġesu’u titolbu jagħmel xi ħaġa. Ġesu’ għall-bidu ma jridx, skond Hu kienet għadha ma waslitx is-siegħa tiegħu. Imma Marija tordna lill-qaddejja biex jagħmlu kull ma jgħidilhom Ġesu’ u nafu tajjeb kif tispiċċa l-istorja; spiċċaw kellhom x’jixorbu għal ġimgħat sħiħa!

San Ġwann, fl-aħħar tà din is’silta jgħidilna li Ġesu’ wera il-glorja tiegħu u d-dixxipli emmnu fiħ. Għal San Ġwann dan huwa l-ewwel miraklu, l-ewwel sinjal! Kull meta Ġesu’ għamel miraklu ried juri xi ħaġa dwaru.

Forsi għal xi ħadd li sema’ din il-ġrajja sena wara l-oħra, jista’ jħoss li m’għandha xejn xi tgħidlu. Mela ejjew ma nħallux li tkun hekk illum ukoll. Din il-ġrajja hija ħafna iktar profonda milli wieħed jista’ jaħseb. Nafu li għal Lhud ta’ żmien Ġesu’ is-simbolu per eċċellenza tal-ferħ huwa l-inbid. Jidher ċar mela li is-sens profond ta’ din il-ġrajja huwa il-kaz ta’żewġ persuni li naqsilhom il-ferħ, u mhux biss żewġ persuni imma il-mistednin kollha tagħhom. Meta Marija tgħid li ma fadlilhomx inbid qed tirreferi għal mistednin kollha. Allura għadna ġrupp ta’ nies li marru biex jifirħu imma ferħ ma hemmx. Xi ħadd jinduna b’dan u jmur għand min jaf li jista’ jagħmel xi ħaġa.

Għalfejn m’għandhomx ferħ dawn in-nies? It-tweġiba insibuha fl-istess pass tal-Vanġelu. Araw naqra “Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għar rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud”! Dawn kienu jkunu hemm biex il-Lhud, l-iktar il-mistiedna tal-għarus, jagħmlu ir-rit tal-purifikazzjoni qabel il-festa. Ġesu’ ser jagħmel xi ħaġa ġdida. Ġesu’ irid juri li l-komunita’ tal-fidi li waqqaf ma tkunx komunita’ ta’ puri, ta’ nies nodfa bl-isforzi tagħhom biss, imma komunita’ li tilqa’ dak il-ġdid li Alla jrid joffri, dak l-inbid ġdid. L-inbid gdid huwa l-imħabba tà Alla li hu jferrà fi qlubna. Tiftakruħ id-diskors tal-inbid ġdid f’damiġjani ġodda?

Ir-reliġjon li kienu qed jgħixu fiha ma kienetx imqanqla mill-imħabba imma mill-biżgħa. Ġesu’ juri li l-vera għaqda ma’ Alla tiġi meta inti taċċetta lil Alla kif inhu, għax kien hu li aċċettak kif int. Huwa Alla li ma jrid jeħodlok xejn, imma jagħtik kollox.

Marija hija dik li turi il-veru ferħ minn fejn jiġi, minn Ġesu’ ta’ Nazareth, l-Iben ta’ Alla, il-Kristu. Hija fehmet li Ġesu’ ser ikun dak li jagħti sens ġdid għal dak kollu li għandu x’jaqsam mar-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Issa, jew nindunaw x’qed jagħmel Ġesu’ f’ħajjitna, jew inkella nibqgħu aljenati kif baqa’ dak li kellu suppost jieħu ħsieb il-mejda. Ma ndunax minn fejn ġie l-inbid it-tajjeb, u baqa’ ma ndunax sal-aħħar.

U dan spiss jiġri lilna. Ma nindunawx li spiċċa l-inbid (ferħ); ma nindunawx għax dejjem għaddejjin minn ħaga għall-oħra. Nħossu il-vojt u  ma nafux minn fejn hu ġej. Inħossuna niġru wara kollox u ma nilħqu xejn. U allura fil-paniku, u meta jinqala xi saram ftit ikbar mis-soltu, arana immorru għand il-Bambin biex nirranġaw l-affarijiet, u meta ma jirranġawx bħal donnu ngħidu “Qass ħaqq il-panik” u nergħu lura għal ħajja li konna. Nindunaw li spiċċa l-inbid u ma jirnexxilniex naqbdu art x’ser nagħmlu, u minn fejn ser inġibu inbid ġdid.

Xi jkollna bżonn? Ikollna bżonn ta’ xi ħadd li bħal Marija  tgħidilna “Agħmlu dak li jgħidilkom Hu”. “Ħudu sehem minn dak li Ġesu’ irid jagħmel fil-festa ta’ ħajtek”. Hu għandu inbid ġdid! Hu lest li jbiddel dak l-ilma tiegħek, magħmul minn reliġjożita’ ta’ obbligi, f’ħajja nisranija li tagħti il-ferħ.

Għalhekk ejjew aħna wkoll niskopru li l-veru ferħ jinsab fli niltaqgħu ma’ Ġesu’ Kristu, li nagħtuh ċans ikellimna f’ widnejna, li jassigurana li ser ikun hu li jpoġġi kollox f’postu, basta aħna nilqgħu l-imħabba tiegħu. Ejjew aħna wkoll inxandruħ bil-ferħ lill-oħrajn u ngħidulhom li Alla huwa imħabba. Ejjew ma nħallux li din iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tintemm mal-kliem: “Morru fil-Paċi ta’ Kristu”. Ħajjitna hija ta’ Alla, hawn u kullimkien.

L-aħħar kelma. Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann, Marija tidher biss darbtejn: fit-tieġ ta’ Kana u taħt is-salib. Marija għarfet tkun ma’ Ġesu’ fil-mumenti tal-glorja imma anke fejn il-glorja ma kienetx daqshekk evidenti. Meta waslet is-siegħa tiegħu, Marija baqgħet miegħu. J’Alla aħna wkoll ikollna il-qawwa nixorbu kemm il-kalċi ta’ Kana, kif ukoll dak taċ-ċenaklu għax nemmnu li kemm fl-ewwel kalċi, kif ukoll fit-tieni, Alla juri il-glorja tiegħu fina.

Il-Ħadd it-tajjeb