It-Tmien Ħadd ta' matul is-Sena

Ma min ser nitkejjel?

Ftit ilu kelli bżonn nagħmel check-up u fost l-oħrajn wiżnuni u kejluni. Fil-piż inqast, u b’din il-ħaġa kont naf. Imma li ma stjatx nifhem kif donni qsart. Jien dejjem kelli qies f’moħħi, u dak it-tul bħal donnu mbidel. Pruvajt naħseb ħafna x’seta’ ġara’; forsi qabel kont nitkejjel biż-żarbun, forsi ir-riga ħażina, forsi in-numru ta’ qabel immaġinajtu! Boq, forsi vera qsart! Jekk inhu hekk, vera bi ftit.

L-iktar ħaġa banali, anke jekk għadditli minn moħħi li nagħmilha kienet tkun dik li niddubita fir-riga. Stajt niddubita ukoll fin-nurse li mhix tara sew in-numri tar-riga.

Għalkemm fis-suq ma tantx hawn rigi żbaljati, fil-ħajja hawn ħafna. Bosta drabi nsibuna nitkejjlu ma’ metri żbaljati u normalment, dan jiġri għax ma nkunux irridu naċċettaw il-fatt li mhux inlaħħqu. Nispiċċaw nitkejjlu ma’ rigi qosra biex inħossuna twal. Arana niddiskutu r-riżultat jekk ma jkunx wieħed li joġgħobna. Arana mmeru r-riga jekk mhux sodisfatti bit-tul.

Jiġrilna li ninsew il-fatt li aħna ma riga waħda biss nistgħu nitkejjlu – Ġesu’ Kristu. Għalkemm faċli naqtgħu qalbna jekk nitkejjlu miegħu, imma Hu mhux beħsiebu jaqtalna qalbna; anzi jgħid li jekk dixxiplu jtemm it-taħriġ tiegħu faċli li joħroġ jixbah lill-Imgħallem tiegħu.

Inkella jiġrilna li nitkejjlu ma’ min naħsbu li mhux ser jasal, u aħna nserrħu rasna li aħna ftit ‘l quddiem minnu. Nirraġunaw li l-aqwa li m’aħniex minn tal-aħħar. Kultant nispiċċaw nkejjlu wkoll bir-riga tal-poplu u ngħidu: “U iva, mhux kulħadd hekk jagħmel”. “U iva, illum irridu nimxu mad-dinja”. Imma kull meta nagħmlu hekk, ma nikbrux! Anzi arana nsibu kull skuża biex ħadd ma jdardrilna l-ilma, li ngħumu fih, li anke jekk inkallat bi żmien sar joġgħobna.

Agħar u agħar u din hija komuni ħafna li hi nsiru riga għalina nfusna, u bi prużunzjoni liema bħalha nibdew nkejjlu lill-ħaddieħor. Ġesu’, iva, jagħtina permess nkunu edukaturi, u ngħinu lill-oħrajn jneħħu t-tibna minn għajnejhom, basta imma nkunu għamilna ħilitna biex nneħħu t-travu minn għajnejna, jew almenu nindunaw bih u nistqarruh.

In-nisrani jibqa’ dejjem imsejjaħ jgħin lil ħutu fil-fidi. “Live and let live” mhux xi motto nisrani. Anqas mhu leġittimu li ma ngħidux x’inhu s-sewwa għax kif jgħid il-malti: “Kulħadd għandu xi jxomm taħt abtu”. Ġesu’ jridna mmexxu lil xulxin, basta nkunu qed naraw sew. Qed jistedinna ma nqabblux, u jekk ħa nagħmlu dan ma nagħmluhx bi skop li nkabbru tal-oħrajn biex ngħattu tagħna. L-equation trid tibqa’ dejjem li jien f’għajni għandi travu u ħija jew oħti għandhom tibna.

L-umilta’ hija ċ-ċavetta ta’ kollox. L-umilta’ li nagħraf li meta nitkejjel ma’ Ġesu’ Kristu mhu se nħallaq qatt. L-umilta’ li nammetti li ħafna drabi tkejjilt ma’ min, skond jien, għadu lura u ma wasalx fejn wasalt jien. L-umilta’ li nammetti li bosta drabi kabbart t-tibna f’għajn ħija, fi travu. L-umilta’ li nammetti l-umilta’ ta’ Alla, li meta jarani qsajjar wisq għal mar-riga jara x’jagħmel u jtawwalni Hu.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem