It-Twelid tal-Verġni Marija

Qiegħdin niċċelebraw it-Twelid tal-Beata Verġni Marija. Din is-Solennita’ ddaħħalna fil-bidu ta’ dak il-misteru tant sabiħ tal-Inkarnazzjoni (Alla li jsir bniedem u jgħammar fostna); l-inizzjattiva sabiħa ta’ Alla li juri Hu min Hu.

Alla li jikteb paġna ġdida fl-istorja tal-umanita’. 

Jekk fi żminijiet oħra Alla fisser bi frażi hu min: “Jien Hu dak li Hu”, issa jiddeċiedi li jkollu wiċċ, persuna, emozzjonijiet li jidhru, kelma li tinstema’ u dan kollu fi Kristu Ġesu’.  Tassew paġna ġdida, Alla li jagħmel lilu nniffsu aċċessibli. Jekk qabel Alla jagħti l-liġi, issa jagħti l-grazzja. Hekk naqraw fil-bidu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann: “Alla ta l-liġi permezz ta’ Mose imma l-grazzja u l-verita’ seħħu permezz ta’ Ġesu’ Kristu”. (Ġw 1, 17). San Ljun il-Kbir bħal donnu jagħtina x’nifhmu li bejn l-ewwel Rivelazzjoni u t-tieni waħda, dik li seħħet permezz ta’ Kristu Ġesu’, Alla biddel l-istil ta’ kif juri lilu nniffsu:

“Dak li kellem lil Mosè, kellem ukoll lill-Appostli, u fi qlub id-dixxipli l-Verb, b’id ta’ kittieb ħafif, kiteb il-liġi tal-patt il-ġdid; dan ġara mhux kif kien ġara fl-imgħoddi; ma kienx hemm bħal fl-imgħoddi swidija ta’ sħab kullimkien, u anqas beraq u ragħad tal-biża’, u lanqas ordni lill-poplu mwerwer biex ma jersaqx lejn il-muntanja, imma diskors kollu ħlewwa u miftuħ għal dawk kollha li kienu jisimgħu; dan kollu biex bil-ħlewwa tal-grazzja titneħħa l-ebusija tal-liġi, u bl-ispirtu ta’ l-adozzjoni jitwarrab il-biża tal-jasar”.

Din hija l-aħbar sabiħa tal-Vanġelu li Alla jidħol fl-istorja nkiss nkiss; ħadd ma kien qed jistennieh, tant li meta ġie biex jitwieled anqas post ma kien hemm għalih fil-lukanda. Alla li jidħol fl-istorja tal-bniedem mhux biex idejjqu, imma biex ifejjqu. Alla li ma bagħatx lill-Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq minnha imma biex permezz tiegħU ssalva. Alla li jgħammar fostna biex jurina sa fejn twassal l-imħabba tiegħu. Alla li juri li hija fin-natura tiegħu, kif jgħid San Ġorġ Preca, ‘li jkun ma’ wlied il-bnedmin’.

Min qatt immaġina li Alla huwa hekk? Minn qatt immaġina li Alla wara li joħloq il-bniedem, joħloq ukoll storja biex isalvah? Min qatt immaġina li Alla huwa ħlewwa, tjieba, maħfra? X’seta’ jagħmel il-bniedem biex ikun jistħoqqlu Alla bħal dan? Xejn. Anzi, il-bniedem għamel dak li ma kellux jagħmel, kiser il-patt, għamel id-dnub, għazel il-ħtija flok il-grazzja. Madankollu, Alla ‘għani fil-ħniena’ jibqa’ jfittex lil bniedem biex isalvah.

Tindunaw li dan il-pjan huwa kollu inizzjatitva ta’ Alla. Huwa hu li sejjaħ l-ewwel, li jiġġustifika, li jigglorifika, kif smajna fit-tieni qari. Alla li ma jserraħx fuq il-ħiliet tal-bniedem imma fuq l-imħabba tiegħu.

U aħna?

Kemm-il darba nserrħu wisq fuq il-ħiliet tagħna? Kemm naħsbu li s-suċċessi u l-fallimenti fix-Xandir tal-Kelma jiddependu minnha? Arana nipproġettaw, u xħin inlestu nipproġettaw, nagħtu l-proġett lil Alla biex japprovah, mentri għandu jkun bil-kontra; Alla li jħejji t-triq u aħna nimxu fiha. Kemm nirranġunaw b’mod żbaljat meta naħsbu li r-riżultati huma frott ta’ kemm naħdmu! Allura arana nirraġunaw “Ejja naħdmu sabiex…”. Possibli li ma jirnexxilniex nagħmlu konverżjoni fil-mod tal-ħsieb? Possibli li kollox jiddependi fuq il-ħidma tagħna? Possibli li għadna naħsbu li Alla fil-ħidma tagħna ma jbilx ftit subgħajh?

Meta naħsbu li kollox jiddependi minn ħidmietna faċli li nsiru skjavi tar-riżultati. Jekk ikollna riżultati posittivi nħossuna tajjeb, jekk le nħossuna falluti. U Alla fiex jidħol f’dan kollu? Is-salmista stess jgħidilna, f’Salm 127:

“Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, 
għalxejn jitħabtu l-bennejja. 
Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, 
għalxejn jishar l-għassies.
Ma jiswielkom xejn li tbakkru, 
jew li ddumu ma tistrieħu 
u li tieklu ħobż it-tbatija; 
għax sa fl-irqad hu jipprovdi lill-għeżież tiegħu”.

Forsi qed tistaqsu: ‘Allura ma nagħmlu xejn”? Ovvja li mhux il-kaz, imma almenu nieqfu naħsbu li kollox jiddependi minnha! Marija lil Alla ħallietu jmexxi Hu, u iffirmat il-proġett tieghU bil-kliem: "Hawn jien il-Qaddejja tal-Mulej". Tidħol għalina hi, biex fina jiġri l-istess. 

Barkiet u għożża u l-Ħadd it-Tajjeb