IV Ħadd tar-Randan

Tgemgim jew Festa?

Kull darba li nsibni nirrifetti fuq din il-parabbola, dejjem nispiċċa ninħakem minn sens ta’ stagħġib u ngħid: “Imma dan Ġesu’ kif irnexxielu joħroġ bi storja daqshekk sabiħa?” Il-Kelma t’Alla hija ħajja u qawwija, u għalhekk huwa naturali li jekk naħdmu fuqha u nħallu lilha taħdem fuqna, ser nispiċċaw nisimgħu, nħossu u ngħixu ‘l-Aħbar t-tajba’ li l-Mulej għandu għal kull wieħed u waħda minnha fiċ-ċirkustanzi partikulari li qed ngħixu bħalissa.

Waqt li kont qed nirrifletti ftit fuq din il-Kelma irrealizzajt li Ġesu’ jasal jgħid din il-parabbola bi tweġiba għat-tgemgim tal-Kittieba u l-Fariżej. Jgħidilna Luqa: “U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!”. Huwa l-istess tgemgim ta’ Ġona, il-profeta ġust li ma jridx iħalli lil Alla jkun ħanin mal-poplu ta’ Ninwe li nidem. Huwa l-istess tgemgim tal-ħaddiema tal-għalqa tad-dwieli li jgemgmu kontra s-Sid li ħallas lil kulħadd l-istess. Huwa t-tgemgim tal-Iben il-kbir li ma jridx jidħol ġewwa għax flok jagħraf li hu mhux dehen ta’ missieru jħoss li missieru mhux dehen tiegħu.

Huwa t-tgemgim ta’ min qatt ma miss il-qiegħ, u allura qatt ma ħarġet mill-ġewwieni tiegħu il-karba tal-maħfra li tiltaqa’ mal-ġewwieni t’Alla mfawwar bil-ħniena.

It-tifel iż-żgħir, anke jekk ħawwad u għaffeġ, qatt ma naqas jsejjaħ lil missieru ‘missier’. Il-kbir naqas ferm f’din il-ħaġa u ma nsibu qatt fil-parabbola li jsejjaħlu hekk. Insibu minflokk ‘Dan ibnek’. Insibuh jgħidlu: “Ilni daż-żmien kollu naħdimlek, kelmtek ma ksirtielek qatt”. Povru dan il-Missier li jrid jikkonvinċi liż-żgħir li hu ħafna iktar minn qaddej, u lill-kbir li relazzjoni ta’bejniethom tmur ‘l hemm minn sempliċiment relazzjoni funzjonali ta’ bejn sid u ħaddiem. LiI-missier isibuh jagħmel l-isforz, infatti joħroġ darbtejn barra, biex jikkonvinċi lill-uliedu li huma ulied għażiża u maħbuba.

It-tifel ż-żgħir ma damx biex jikkonvinċi ruħu. Missieru ma kellux kliem biss imma kellu fatti wkoll; “lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu”. Mhux biss hekk imma tah l-isbaħ libsa, iċ-ċurkett u s-sandli. U kieku dan ma kienx biżżejjed qatillu l-għoġol l-imsemen u għamillu festa bid-daqq u ż-żfin.

Kontra t-tgemgim, Ġesu’ jissuġerixxi l-festa. Ġesu’ jrid jurina li rridu nitgħallmu niċċelebraw il-ħniena tal-Missier nsawwba fuq l-aħwa. Il-midneb mhux ġudizzju għandu bżonn, anqas ħars bl-ikrah, qas għira u wisq anqas kundanni. Għandu bżonn missier li jagħder, jifhem u jħenn. Iva, għandu raġun il-missier: “Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!”.

L-Iben il-kbir iħossu mweġġa’ bl-imġieba ta’ missieru li jagħmel festa lil ibnu ħali u żieni. Il-Fariżej iħossuhom skomdi bl-imġieba ta’ Ġesu’ ħabib tal-pubblikani u l-midimbin.

U int kif tħossok? Kapaċi tiċċelebra l-indiema ta’ ħutek u l-ħniena ta’ Alla? Tippretendi li tgħid lil Alla fejn għandu u fejn m’għandux juri ħniena?  Drajt wisq id-dar, tant li nsejt li għandek missier li jħobb u int iben jew bint maħbub/a? Taf li l-inkapaċita’ li tiċċelebra l-ħniena ta’ Alla twassal għall-medrokrita’?

Abbli tgħid li dan il-kliem huwa kisja icing sugar fuq Alla, jew li Alla mhux biss ħniena imma ġustizzja wkoll. Tajjeb, Ġesu’ nniffsu kien li qal li huwa ‘ta qalb ħelwa u umli’. Alla huwa ġust iva, u l-ġustizzja tiegħu ssib il-milja tagħha fi Kristu Msallab, li fi kliem Dun Ġorġ Preca tiġi mifhuma hekk: “Imut s-Sid għall-qaddej li kien għadu tiegħu”.

Fl-aħħar mill-aħħar attent li ma ssibx lilek nniffsek tgemgem kontra Alla!

Il-Mulej jagħtikom is-sliem