Tlugħ il-Mulej fis-Sema

Agħfas fuq 'Jum il-Mulej" għall-qari 

Dan il-Vanġelu jħawwdek! Insomma, mhux dan biss, imma dan b’mod speċjali. Quddiemna, għadna xena interessanti ħafna. Ġesu’ qiegħed Betanja mad-dixxipli tiegħu biex jgħidilhom ‘bye’.

Li tgħid ‘bye’ mhux dejjem faċli, anzi ħafna drabi hija diffiċli ferm. Kemm -il darba konna l-airport u kellna nsellmu lil xi ħadd li nkunu ser ndumu biex nergħhu narawh. Naħseb tafu kif inħossuna minn ġewwa, mhux ħaġa sabiħa hux hekk? Kemm ġenituri jħossuhom imdejjqa meta xi ħadd mit-tfal ikun ser jiżżewweġ jew jagħżel stil ta’ ħajja li jbiegħdu mid-dar. Jifirħu għalih jew għaliha, jekk il-pass ikun wieħed li jseħħ b’mod naturali; dan hu ovvju, imma huwa ovvju wkoll li jħossu in-nuqqas tiegħu jew tagħha tremendament. Biex ma nsemmux imbgħad dak il-‘bye’ orribli ta’ meta jmutlek xi ħadd għażiż. Nassumi li ġrat lil kulħadd li toħroġ mill-isptar b’dak is-sentiment li biċċa minn qalbek ġiet imċarta lilek b’qawwa, u taf, li f’dak il-mument ma tista’ tagħmel xejn biex tirrimedja l-uġiegħ li tkun qed tħoss.

Illum, il-Vanġelu jpoġġilna quddiemna sitwazzjoni analoga. L-appostli qed jassistu għat-tluq ta’ Ġesu’. Il-verbi użati huma ċari: berikom, infired minnhom, meħud fis-sema. ‘Berikom’ jgħaddi bħala verb sabiħ imma ‘infired’ u ‘meħud’ mhux daqshekk. Imma ħaġa tal-iskantament il-Vanġelu jgħidilna li “Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b’ferħ kbir reġgħu luru lejn Ġerusalemm, u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla”.

Għadna ħafna x’nomgħodu.

Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima. Inxteħtu jadurawh. U aħna nistgħu naduraw biss misteru. Aħna quddiem il-misteri l-kbar tal-fidi tagħna, iktar milli nirraġunawhom, mistiedna nadurawhom. Meta tadura l-misteru, inti tidħol fih; il-misteru jsir parti minnek. F’kelma oħra, il-misteru taċċettah. L-istess irid jiġri quddiem ħajjitna li bosta drabi hija mimlija b’sitwazzjonijiet u persuni li jkollna nsellmulhom. Irridu ninżlu naduraw dak il-misteru, naċċettawh u nħalluh isir parti minna, mill-esperjenza tagħna, mill-tiswir tal-ħajja li tibqa’ sabiħa. L-atteġġjament oppost huwa dak tar-reżistenza; li ma tħallix lil min ikun sejjer imur, b’dannu għalih u wisq ikbar għalik.

L-appostli ‘mimlijin ferħ kbir reġgħu lura Ġerusalemm’. L-appostli ma weħlux Betanja. Ma weħlux mal-post minn fejn raw lil Ġesu’ sejjer. Imma telqu lejn Ġerusalemm b’ferħ kbir. Issa bdew jifhmhu dak il-kliem li kien qal Ġesu’: “Jaqblilkom li jien immur” (Ġw 16, 7). Jaqblilhom għax mat-tluq ta’ Ġesu’ kien hemm marbuta wegħda: “Jekk ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom; imma jekk immur nibgħatulkom”. Hekk hu, ma kull tluq hemm marbuta wegħda. Fil-mument ta’ tluq, l-inqas ħaġa li tiġi f’moħħna f’dak il-mument hija li dak it-tluq ser ifisser xi ħaġa aħjar, ser nitbierek b’dak it-tluq. Jekk, allura toffri reżistenza għal-dak it-tluq, tkun qed tagħlaq ukoll il-bibien biex il-wegħda sseħħ.

L-Appostli qagħdu fit-tempju l-ħin jkollu jbierku lil Alla. Kemm hu atteġġjament matur dan! L-appostli flok jibku dak li tilfu, jbierku lil Alla għal dak li għexu. Fl-appostli ma hemm ebda sens ta’ riżentiment imma gratitudni għal dak li l-Missier kien tahom f’Ġesu’. Kemm jista’ jiġrilna lilna li meta xi ħadd imur, aħna nibku li tlifna u ninsew dak li ksibna matul iż-żmien li aħna gawdejna il-preżenza tiegħu jew tagħha fostna.

Forsi jqumu żewġ mistoqsijiet. Imma mhux ovvja li nħossu l-firda? U mela! Ħafna wkoll. Li qed nissuġerixxi hu mod, biex fil-fidi, dak l-ovvju ma jibqax biss ovvju imma jsir isbaħ.

Mistoqsija oħra abbli tkun: U kif spiċċaw l-appostli wara dan? Heq, marru jippriedkaw u qatluhom! Tajjeb ukoll! Iva, l-appostli spiċċaw tajjeb, anzi tajjeb ħafna. L-appostli kienu tant nies ħielsa, li offrew ħajjithom kollha sat-tixrid ta’ demmhom. Il-veru ħelsien jinkiseb meta inti tasal tifhem li fil-verita’ m’għandek xejn x’titlef! U ejja fr...ma tarax li int wisq ideali? U żgur li jien, imma min qalilna li aħna ġejna msejħa għal ħwejjeġ miżeri! Forsi, it-tgħannieqa tal-Missier mhux isbaħ mill-ħarrub tal-ħnieżer? Mela, iġri, toqgħodx tiffoka fuq il-fatt li ser titlef il-ħarrub tal-ħnieżer. Iffoka biss li l-Missier ser jgħannqek.

“Bye”

Il-Ħadd it-tajjeb!