VI Ħadd Matul is-Sena

Naħseb li ġieli smajtu bil-‘Kantiku tal-ħlejjaq’; l-għanja li Franġisku t’Assisi kiteb lejn it-tmiem ta’ ħajtu fejn fiha jfaħħar lil Alla għas-sbuħija tal-ħolqien. Din l-għanja nkitbet fil-kunvent tal-Klarissi maġenb il-knisja ta’ san Damjan, fir-rebbiegħa tal-1225, meta Franġisku kien għaddej minn tbatija kbira, u l-aħħar jiem tiegħu kienu fil-qrib.  Ma kienx għadu l-għannej ta’ tant żmien qabel, li kien jiġġerra ferrieħi mat-toroq ta’ Assisi jgħanni s-sbuħija ta’ Alla.  Issa kien bla saħħa, mifni bl-uġigħ tal-pjagi, nieqes mid-dawl, imma wiċċu ħieni, jikkontempla s-sbuħija ta’ Alla fil-ħolqien meraviljuz tiegħu.

Fil-mument li Franġisku ma kienx qed jara kien qed jara! X’biċċa din! Nieqes mid-dawl u jikkontempla l-ħlejjaq. Kif jista’ jkun? Propju huwa dak li qed jgħid il-Vanġelu li għadna kemm smajna llum. Għall-bidu jaħsadna meta nisimgħu: “Mberkin intom il-foqra, mberkin intom li għalissa tibku, mberkin intom li intom bil-guħ jew ippersegwitati”. Vanġelu bħal dan ma jinżlinniex għax nieqfu biss fuq l-ewwel biċċa tas-sentenza u normalment ninsew li ssegwi biċċa oħra; għax għad tidħku, għad tkunu mxebbgħin, għax għad tirtu is-Saltna, għad tifirħu  u tithennew.

Ejja nkunu sinċieri, normalment ma jirnexxilniex nikkonċentraw fuq l-aħħar biċċa tal-frażi jew għax nkunu għaddejjin mill-biki u affarijiet simili jew għax nkella nibżgħu li ngħaddu minnhom. Madankollu, ejjew almenu nikkuntentaw bil-fatt li nafu x’hemm quddiem għajnejna, nafu x’inhu l-għamad li qed ixekkilna milli naraw. Min ikun għaddej minn mument diffiċċli normalment jkun sinċier miegħu nniffsu u faċli jagħraf li mhux jara għax l-uġiegħ huwa kbir. Imma din l-istqarrija sinċiera hija ġa barka fiha nfisha. F’mument bħal dan it-talb isir iktar sinċier, u l-karba iktar profonda. U tista’ tingħata l-grazzja li tibda tara anke fi dlam.

Mhux hekk imma min ikollu għamad sabiħ quddiem għajnejh; min jaħseb li hu ferħan għax imxebba, għax jidħak, għax mimli liri, jew kulħadd ifaħħru. lI-prova, jekk il-vista hux tajba jew le mhux meta kollox ward u żagħar, imma meta l-ħajja titlef it-togħma ta’ vaganza. Allura, faċli nifhmu il-għala Ġesu’ jgħid “Ħażin għalikom”, għax min jaħseb li l-ferħ tiegħu jiddependi biss minn dak li qed igawdi huwa mqarraq bil-kbir. Imbgħad jiġri li jara l-imperi jaqgħu quddiemu; u dak il-ħin jiftaħ għajnejh, u jibki.

Ġesu’ huwa reali, konkrett, attwali. Jaf u jrid jikxef is-sigriet li l-ferħ ma jiddependix minn kemm niekol, minn kemm għandi ġid, minn kemm nidħak, minn kemm ifaħħruni. Ġesu’ ma jridx jgħaddina bi żmien. Allura jaqbel li aħna wkoll inkunu reali; u kif? Billi ma nintrabtu ma xejn; la nindifnu fin-niket u anqas nagħmew bil-ġid.

Meta kont żgħir kienu qaluli storja li qajla niftakar kif kienet tibda. Mingħalija kienet tgħid li darba kien hemm sultan li saqsa lil wieħed mill-għorrief tiegħu is-sigriet ta’ ħajja feliċi. Dan tah parir li f’kull sitwazzjoni li jgħaddi minnha jtenni: “Din tgħaddi wkoll”. Inti għaddejn minn tbatija? Din ser tgħaddi u għad titbierek. Għaddej minn mument ta’ ġid fakkar lilek inniffsek li dan  għad jgħaddi u s-salib trid tipprepara għalih billi tkun fil-verita’ miegħek inniffsek u ma torbot qalbek ma xejn. Kif jgħid il-malti: “Bniedem avżat, nofsu armat”. Ġesu’ mhux biss javżana, imma jarmana ukoll”.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem