It-Tieni Ħadd taż-żmien ta' Matul is-Sena

Huma diversi il-mixjiet li nsibu f’dan il-Vanġelu. Nibdew billi nitilqu mit-Testment il-Qadim u nidħlu ħelu ħelu fil-Ġdid. Ġwanni, il-pont bejn iż-żewġ rabtiet jilmaħ lil Ġesu’ u jsejjaħlu l-‘Ħaruf ta’ Alla’. Il-mixja hija wkoll dik tal-ewwel żewġ dixxipli, li filli dixxipli tal-Battista, filli dixxipli tal-Messija.

Imbgħad għadna mixja fl-għarfien ta’ min hu Ġesu’. L-ewwel dixxipli, lil Ġesu’ l-ewwel isejjħulu: “Mgħallem”, imbgħad “Ġesu’”, wara jiġi msejjaħ “il-Messija”.

Għandna wkoll ir-rakkont tal-mixja li għamlu dawn it-tnejn ta’ kif saru dixxipli. Il-Vanġelu jgħidilna li l-ewwel  kien hemm Ġwanni ma’ tnejn mid-dixxipli tiegħu u lemħu lil Ġesu’ li kien għaddej minn hemm. Imbgħad Ġesu’ jarahom ‘mexjin warajh’, imbgħad ‘imorru miegħu’ u wara ‘baqgħu miegħu’.

L-għarfien huwa dejjem minn ħarsa superfiċjali għal waħda iktar profonda. Jibdew billi jħarsu, imbgħad jispiċċaw jaraw. Lil Ġesu’ għall-bidu jirrikonoxxuh bħala ‘Mgħallem’, imbgħad bħala ‘Messija’. Jibdew billi jimxu warajh imma fl-aħħar jispiċċaw jibqgħu miegħU.

Hija din il-mixja li aħna mistiedna nagħmlu; li minn dixxipulat superfiċjali nidħlu għal wieħed iktar profond. Għad-dixxiplu Ġesu’ mhux biss ‘Mgħallem’ imma huwa “Messija”. Din il-kelma tgħid xi ħaġa fuqu; huwa dak li jsalva, imma iktar minn hekk tgħid ukoll xi ħaġa fuqi. L-għarfien ta’ Messija turi li jien għandi bżonn ta’ xi ħadd li jeħlisni. Tgħid li jien skjav ta’ xi ħaġa u li waħdi ma nistax neħles lili nniffsi, imma għandi bżonn qawwa ikbar minni li terfgħani mill-ħama. Tajjeb insaqsu wkoll u nagħtu isem lil dak kollu li qed iżommna ilsiera.

Biex dan jiġri ma nistgħux nimxu wara l-Messija b’nofs kedda. Lanqas nistgħu nimxu warajh billi nosservaw biss dak li jgħid. Biex nkunu dixxipli vera rridu nħalluh jsaħħan lil qalbna. Jista’ jkun li jien nimxi warajh billi nosserva dak kollu li jgħid, imma Ġesu’ ma jsaħħanliex qalbi, qalbi ma taqbadx għalih. Jekk jiġri hekk nkun sirt espert fl-osservanza tal-liġi u l-preċetti, imma mhux neċessarjament nkun sirt espert tal-imħabba. Faċli l-kliem tal-profeta jkun jgħodd għalija wkoll: “Dan il-poplu biex xofftejn biss jagħtini qima, imma qalbu hija ‘l bogħod minni’. Id-dixxiplu ma jħobbx liġi imma persuna – il-persuna ta’ Ġesu’ Kristu.

Biex nagħmlu dan irridu mhux biss nimxu warajh imma noqgħodu miegħU. Kemm jista’ jiġrilna li aħna, li aħna viċin il-komunita’ ta’ Ġesu’ naħdmu ħafna għalih, imma ma nafux noqgħodu miegħU. Id-dixxiplu veru ta’ Ġesu’ jaħli l-ħin ma’ Ġesu’, kapaċi joqgħod miegħu, ifittxu, jistrieħ fiH. Jekk le, nkunu biss atturi reliġjużi, li nabbużaw bl-isem ta’ Alla. Ġesu’ jridna nagħrfuh, u biex tagħraf lil xi ħadd trid toqgħod miegħu.

Imbgħad ix-xhieda tagħna tkun minnha, sinċiera u vera. Imbgħad aħna wkoll nkunu nistgħu ngħidu ma’ Indri: “Sibna l-Messija”. U meta nsibuh ma nżommuhx għalina, ma nibqgħux nistħu minn kliemu, daqshekk kompromessi. Nimtlew bl-entużjażmu u mmorru nxandru li sibnieh jew aħjar li sabna. 

Il-Ħadd it-Tajjeb