Il-Fraternita' - Karatteristika Franġiskana

Il-Ħajja Reliġjuża, kif naħseb li tafu mhix ħajja li tingħax b'mod individwali. Il-Ħajja Franġiskana tpoġġi aċċent qawwi fuq dik li hi l-ħajja fraterna. San Franġisk fit-Testment kiteb: "Il-Mulej tani l-aħwa". Infatti il-ħajja ta' San Franġisk kienet nisġa ta' relazzjonijiet profondi; ma' ħutu il-patrijiet, Klara, Donna Jacoba u oħrajn. L-aħwa, anke meta ma qablux f'kollox miegħu qatt ma waqfu jkunu għalih għeżież. L-evanġelizzazjoni għalih qatt ma kienet opra individwali imma dejjem fraterna.

Fil-Familja Franġiskana l-Ordni tal-Minuri Konventwali jiddistingwi ruħu permezz ta' din il-karatteristika li aħna nsejħula il-Konventwalita'. Kważi sa mill-bidu nett tal-Ordni grupp ta' patrijiet ġew msejħa "il-patrijiet tal-Komunita'". Mal-isem Minuri ġie miżjud dak ta' Konventwali - mill-Latin 'Cum - Venire' iġifieri ‘jinġabru flimkien’.

Għalhekk sallum il-Konventwali għadhom iqisu bħala prijorita’ il-bini ta' komunitajiet b’saħħithom. Il-Komunita', rigal u sfida tibqa' għalihom dik ix-xhieda speċifika li l-Mulej jistedinnhom jgħixu sabiex ixandru il-Vanġelu bl-aħjar mod.