Il-Parroċċa tiegħi hija id-dinja

Darba kont qed nikkonċelebra  f’quddiesa Sao Paolo, il-Brazil. Hija użanza tagħhom li qabel il-quddiesa kull saċerdot jgħid ismu u minn fejn ikun ġej. Kienu kollha kappillani u għaldaqstant kollha semmew il-parroċċa tagħhom. Meta lili staqsewni fejn hi l-parroċċa tieghi, kont ser nitfixkel. Imbaghad wegibt: “il-parroċċa tiegħi hi d-dinja”.

U ma naħsibx li qed nesaġera għaliex minn madwar 25 sena ‘l hawn, il-missjoni tiegħi hi li ndur id-dinja nevanġelizza u nagħti l-Kristu lill-oħrajn. Din il-missjoni ma fittixthiex jien. Kieku kelli nagħżilha jien kont nagħżilha meta kont iżjed żagħżugħ u kont ukoll logikament nagħżel artijiet fejn jien iżjed midħla tal-lingwa, ngħidu aħna t-Taljan u l-Ingliż. Imma mingħajr ma naf kif, għalkemm kont diġa’ avanzat fl-eta’, il-Mulej tefagħni f’artijiet fejn jien ma nafx kelma b’dawk l-ilsna bħalma nghidu aħna s-Slovakkja, ir-Rep. Ċeka, il-Brażil u tant u tant pajjiżi oħrajn.

Mistoqsija li żgur tigi f’moħħ kulħadd hija: imma kif beda dan kollu?

Kollox beda b’mod sempliċi ħafna. Sqalli miżżewwġ Maltija inzertaw hawn Malta għal Konferenza Kariżmatika. Jien inzertajt wieħed mill-kelliema f’dik il-konferenza. Dawn ġew fuqi u qaluli jekk għandix pjaċir immur Sqallija – preċiżament Partinico – biex nagħti taħdita waqt seminars li kienu qed jorganizzaw. Billi kont għadni qatt ma ħrigt nipprietka barra minn xtutna, dan għalija kien challenge kbir; imma aċċettajt.

U dak kien il-bidu ta’ kollox. Hu bħal meta twaddab qatra żejt ġol-ilma u dik tibda tikber... u tikber... u tikber... Illum nista’ ngħid li żort kemm-il darba il-kontinenti kollha:  nipprietka, nagħti rtiri, immexxi seminars, u l-bqija. Qajl qajl bdejt nigi mistieden biex nipprietka f’diversi postijiet fi Sqallija.

Minn hemm... sibt ruħi l-Italja, Sardegna u Lampedusa, l-Ingilterra, il-Ġermanja, il-Brażil, il-Polonja, is-Slovakja, ir-Rep. Creka, l-Amerka (Boston, Orlando, Seattle...), il-Kanada, l-Awstralja (Melbourne, Sydney, Perth), New Zealand, l-Indja, il-Mauritius, il-Korea, u tant u tant pajjiżi oħrajn.

Mhix l-ewwel darba li niġi mistoqsi b’liema kriterju nagħżel fejn immur nipprietka. Fil-fatt qatt ma nagħżel u qatt ma għazilt jien fejn immur, imma dejjem ħallejt l-Ispirtu jmexxini hu. Kull fejn immur u mort, dan għamiltu dejjem fuq stedina partikulari ta’ Isqof jew kappillan jew grupp.

Normalment is-seminars li mmexxi (saċerdoti, sorijiet, lajċi...) jkunu jew dwar l-Eżorciżmu u t-temi konnessi jew dwar il-Fejqan Interjuri.

Bħala konsegwenza ta’ dan l-apostolat ġew ippubblikati diversi kotba tieghi: 13 bil-Portugiz, 9 bit-Taljan, 8 bis-Slovak, 7 bic-Ċek, 3 bl-Ingliż. Qed jiġu wkoll preżentement tradotti xi kotba bl-Ispanjol.

Il-kotba qed jinbiegħu bl-eluf. Fil-Brażil biss inbiegħu diga’ madwar 150.000 ktieb.

Il-missjoni li l-Mulej waddabni fiha mhix missjoni faċli. Dari tinsab dejjem ġo bagalja. Irrid inbiddel is-sodda kważi kuljum. Irrid ngħaddi mijiet ta’ sigħat fl-ajru u fl-ajruporti. Irrid nidra ikel differenti, f’ħinijiet u orarji differenti. Irrid nidra kontinwament indawwar l-arloġġ ‘il quddiem u lura skond fejn immur. Kontinwament irrid ngħaddi minn temperatura għall-oħra.

Mistoqsija li minhiex kapaċi nweġibha: meta ser nieqaf din il-ġirja mad-dinja, il-parroċċa tieghi? Dan il-Mulej jafu. Mhuwiex jien li niddeċiedi. Inħalli f’idejh.

Fl-aħħar mill-aħħar, dak kollu li qed nagħmel, qed nagħmlu ghax talabuli hu.

“Lil min ser nibgħat?” “Hawn jien Mulej, ibgħat lili!”

 

Patri Elija Vella ofmconv