il-Martri Eroj ta' Auschwitz

F’għeluq il-75 sena mill-martirju ta’ San Massimiljan M. Kolbe, hawn hi l-ġrajja kif seħħ dan miktuba minn xhud li ra b’għajnejh. “Dak iż-żmien kont segretarju u interpretu f’dak is-sotterran u jiena u nerġa’ naħseb fl-imġiba bla nikta quddiem il-mewt ta’ dan l-eroj, li kienet tgħaġġeb saħansitra lill-gwardji tal-Gestapo, għadni niftakar bl-eżatt l-aħħar ġranet ta’ ħajtu.

Il-blokk 13, li kien jinsab in-naħa tal-lemin tal-kamp, kellu madwaru ħajt għoli sitt metri. Fis-sotterran kien hemm xi ċelel, fil-pjan terren kien hemm kamra tal-kumpanija tad-dixxiplina. Uħud miċ-ċelel kellhom xi twieqi żgħar u xi sodod, oħrajn ma kellhom xejn u kienu mudlama għall-aħħar. F’waħda minn dawn iċ- ċelel f’Lulju 1941, wara li saret ir-rassenja ta’ filgħaxija, ħadu għaxar priġunieri ta’ blokk 14. Wara li qiegħdu ’l dawn l-imsejknin ta’ kkundannati quddiem il-blokk, ordnawlhom jinżgħu għarwenin u mbuttawhom lejn il-post fejn diġà kien hemm xi għoxrin vittma oħra tal-aħħar proċess.

Lil dawk li waslu ġodda ħaduhom f’ċella oħra. Huma u jagħlqu l-bieb, il-gwardjani bdew ikażbruhom u jgħidulhom: ‘Hawn tinxfu bħal tulipani!’ Minn dakinhar dawk l-imsejkna ma ngħataw ebda ikel.

Kuljum il-gwardjani, huma u jagħmlu ż-żjajjar ta’ kontroll, kienu joħorġu amar li matul il-lejl jinġarru l-mejtin. Kont dejjem preżenti f’dawn iż- żjajjar, għax kien ikolli nikteb in-numru ta’ kull mejjet, jew naqleb għall-Ġermaniż mill-Pollakk it-taħdit u t-talbiet tal-priġunieri.

Miċ-ċella ta’ dawk l-imsejknin kuljum kien jinstema’ t-talb li kien jingħad b’leħen għoli, ir-rużarju u l-kant reliġjuż, li miegħu kienu jissieħbu wkoll il-priġunieri taċ-ċelel l-oħrajn.

Fil-ħin meta ma kienx ikun hemm il-gwardjani, kont ninżel inkellem lil sħabi u nfarraġhom. It-talb ħerqan u l-innijiet lill-Verġni mbierka kienu jinstemgħu matul is-sotterran kollu. Kont nistħajjilni qiegħed fi knisja. Kien jibda Patri Massimiljan Kolbe, u l-oħrajn iwieġbu. Kultant kienu jkunu daqhekk medhija fit-talb, li ma kinux jintebħu bil-wasla tal-gwardjani għaż-żjara tas-soltu; fl-aħħar wara xi għajta min-naħa ta’ dawn, l-ilħna kienu jintfew.

Kif jinfetħu ċ-ċelel, dawk l-imsejknin bil-biki kienu jittallbu xi loqma ħobż u ftit ilma u ma kinux jingħatawlhom. Jekk xi wieħed mill-aktar b’saħħithom kien jersaq lejn il-bieb, kien malajr isib xi gwardjan jagħtih daqqa ta’ sieq fuq żaqqu, u bilwaqgħa għal dahru kien jibqa’ mejjet fuq is-siment tal-art jew jaqla’ xi tir...

Patri Massimiljan Kolbe kien iġib ruħu ta’ eroj. Ma kien jitlob xejn u ma kien igerger għal xejn. Kien iqawwi qalb l-oħrajn u jħajjar il-priġunieri jittamaw li l-maħrub jinstab u jinħelsu. Meta ddgħajfu ħafna, it-talb bdew jgħiduh b’leħen baxx. F’kull żjara, meta kważi kollha kienu mixħutin mal-art, Patri Massimiljan Kolbe kien ikun bilwieqfa, jew għarkupptejh fin-nofs, b’għajnejh sereni jħares lejn min jidħol. Il-gwardjani kienu jafu bl-offerta tiegħu, kienu jafu li dawk kollha li kienu miegħu kienu qed imutu innoċentement; għalhekk, b’rispett lejn Patri Kolbe, kienu jgħidu bejniethom: ‘Dan is-saċerdot hu tabilħaqq qalbieni. S’issa ma sibna ’l ħadd bħalu hawn.’

Għaddew b’dan il-mod ġimagħtejn. Sadattant il-priġunieri bdew imutu wieħed wara l-ieħor; tant li fit-tielet ġimgħa kien baqa’ biss erbgħa, fosthom Patri Kolbe. Dil-ħaġa f’għajnejn il-mexxejja bdiet tidher kerha għax mid-dehra kienet sa ttul; iċ- ċella riduha għal vittmi oħrajn. Għalhekk fl- 14 ta’ Awwissu ħadu magħhom lill-kap tas-sala tal-morda, Ġermaniż, il-kriminal Boch, li ta lil kull wieħed tingiża fil-vini ta’ aċtu velenuż fid-driegħ tax-xellug.

Patri Kolbe, bit-talb fuq xofftejh, newwel hu nnifsu driegħu lill-bojja. Billi ma stajtx inġerragħ dak li kont qed nara b’għajnejja, u bl-iskuża li kelli biċċa xogħol fluffiċċju, tlaqt ’il barra.

Kif telqu l-gwardjani u l-bojja, erġajt lejn iċ- ċella, u hemm sibt lil Patri Massimiljan Kolbe bilqiegħda, b’dahru mserraħ mal-ħajt, b’għajnejh miftuħa u rasu mmejla laġenba (kienet il-pożizzjoni tiegħu tassoltu). Wiċċu, seren u sabiħ, kien jiddi.

Flimkien mal-barbier tal-blokk, is-Sur Chiebik, ġarrejt ġisem l-eroj lejn il-banju. Hawn tqiegħed f’tebut u ttieħed fil-kamra tal-mejtin tal-ħabs.

Hekk miet is-saċerdot, l-eroj tal-kamp ta’ Auschwitz, huwa u joffri ħajtu minn jeddu għal missier ta’ familja, kwiet u trankwill, jitlob sal-aħħar waqt. Fil-kamp, imbagħad, għal xhur sħaħ, baqa’ jitfakkar l-att erojku tas-saċerdot. F’kull eżekuzzjoni kien jitfakkar isem Patri Massimiljan Kolbe.

L-impressjoni li ħadt minn dan u minn fatti oħrajn bħalu sa tibqa’ minquxa dejjem f’moħħi.” Din hi x-xhieda tas-Sur Bruno Borgowiec, interpretu tal-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz, li ra b’għajnejh.

Patri Kolbe miet fil-għomor ta’ 47 sena. Il-Madonna sejħitlu fil-ġenna, skont il-wegħda, sewwasew lejlet il-festa tat-tlugħ tagħha fis-sema. Il-wiċċ jiddi ta’ Patri Kolbe, kif iddeskrivieh ix-xhud, iġagħalna naħsbu li fl-aħħar waqt ta’ ħajtu l-Madonna żaritu fil-bunker. L-Immakulata ġiet biex tqegħedlu l-kuruna l-ħamra tal-martirju u tilqgħu f’dirgħajha ta’ omm. Il-ġisem mejjet ta’ Patri Kolbe l-għada tneħħa mill-kamra tal-mejtin u ttieħed fil-forn krematorju tal-kamp, biex jinħaraq. Bħal ħafna priġunieri oħrajn, anki Patri Kolbe tela’ fis-sema ta’ Auschwitz fi sħaba ta’ duħħan li malajr xtered mar-riħ. Fl-10 ta’ Ottubru 1982, erbgħin sena wara mewtu, il-Papa Ġwanni Pawlu II xandar lis-saċerdot Franġiskan Konventwal Pollakk Patri Massimiljan Kolbe bħala qaddis tal-Knisja universali.

Giuseppino de Roma