Nattiraw jew nistadu?

Qabel ma wieħed jidħol fl-argument tajjeb li naraw ftit x’inhi Vokazzjoni. Vokazzjoni hija sejħa mingħand Alla għall-qdusija. Il-qdusija li għaliha Alla qiegħed isejħilna hija dik li nintrabtu miegħu għal dejjem u noffru ħajjitna bħala radd ta’ ħajr bla waqfien lilu.

Kif nistgħu ngħixu din il-qdusija?

Alla jsejjaħ lil kulħadd għall-istess skop: li nibnu l-ħajja tagħna fuq dik ta’ Ibnu Ġesù. Din hija l-vokazzjoni fundamentali ta’ kull Nisrani li jikkonforma l-ħajja tiegħu ma’ dik tal-Vanġelu. Bħalma jgħid il-Papa Piju X fil-motto tiegħu: Niġġeddu lkoll fi Kristu. Nistgħu ngħidu li din kienet l-intwizzjoni ta’ San Franaġisk fir-Regola tiegħu li tibda billi tgħid: ‘Ir-regola u l-ħajja tal-Patrijiet Minuri hi din, jiġifieri li jħarsu l-Evanġelju Mqaddes ta’ Sidna Ġesù Kristu.’

Imma dan ifisser li biex tgħix ta’ qaddis trid bilfors tidħol patri jew soru?

Le! Dak li qiegħed jgħid hawn Franġisku hu l-muftieħ tal-etika tal-ħajja Nisranija. Meta ngħidu “etika Nisranija” nkunu qed nfissru li ħajjitna hija mfassla fuq il-loġika tal-Vanġelu. U din hi l-vokazzjoni ta’ kull mgħammed; kemm ikunx reliġjuż, miżżewweġ jew single!

Ladarba wieħed jagħżel li jgħix lil Kristu, kif jgħid Pawlu, ‘Mhux iżjed jien li ngħix imma Kristu jgħix fija’, it-tieni pass hu d-dixxerniment: f’liema stat ta’ ħajja nħossni l-aħjar biex ngħix din il-vokazzjoni.

Biex niġu għall-mistoqsija tagħna, skont din il-loġika il-vokazzjoni tinsab fil-karattru tal-bniedem. Kif insibu fil-profeta Ġeremija: ‘Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek; qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek. Jien qegħedtek profeta fuq il-ġnus’ (Ġer 1: 5). Huwa Alla li jsejjaħ! Hu jieħu l-inizjattiva u l-bniedem imsejjaħ iwieġeb. Kif jgħidilna Ġesù: ‘Mhux intom għażiltu lili imma jien għażilt lilkom.’

Mela jekk huwa Alla li jsejjaħ, aħna, bħala Nsara, ninsabu konvinti x’għadna nagħmlu? Ma għandniex nagħmlu riklam u promozzjoni tar-reliġjon tagħna biex irressqu kemm jista’ jkun nies lejn Ġesù? Il-promozzjoni hija tajba l-aktar meta ssir bl-użu tal-mass media, leaflets, eċċ., biss dan it-tip ta’ promozzjoni għandu jkun konsegwenza u mhux il-finalità tal-promozzjoni fiha nfisha. Il-finalità tal-promozzjoni tal-ħajja Nisranija għandha tkun il-ħajja tagħna stess! Dak li ngħixu jitkellem waħdu. Kif jgħid Ġesù stess: ‘Min dan jagħrfukom li intom tiegħi, jekk tħobbu lil xulxin.’ U l-qawl Malti jgħid: ‘L-eżempju jkaxkar.’

Għalhekk: nattiraw jew nistadu?

Naħseb jien l-attrazzjoni għandha tieħu prijorità fuq s-sajda. Ladarba wieħed jgħix lil Kristu ħajtu ssir xhieda u fl-istess ħin kalamita li tiġbed oħrajn lejn is-seħer sabiħ tal-ħajja Nisranija. Is-sajda hija konsegweza ta’ dan l-entużjażmu Nisrani mibni fuq il-persuna ta’ Ġesù Kristu.

Fra Josef Pace Ofm Conv