L-Ewwel Ħadd tal-Avvent

Agħfas fuq "Jum il-Mulej" għall-Qari

Niftakaru ċar fi tfulija lil missieri jitlaq wara nofsinhar lejn ix-xogħol. Kien jiġi filgħodu, u kont inħoss wens hekk kif nisma’ ċ-ċavetta dieħla ġol bieb, il-bieb jinfetaħ, jingħalaq, il-ħoss tal-basket li jitpoġġa fuq il-mejda, u jgħaddi jsellem lilna u lil ommi. X’kien imur jagħmel billejl? Kien imur jagħmel l-għassa. Spiss konna nċemplulu biex naraw kif inhu; bosta drabi kien jgħidilna li ser immur jiċċekkja, jdur il-post biex jara hemmx sinjali strambi, li l-bibien kollha magħluqa, u li m’hemm ħadd fiż-żona li mhux postu hemm f’dak il-post u dak il-ħin. Kien assidwu ħafna u attent li kollox qed f’postu. Spiss waqt li aħna konna nkunu għas-sħana tas-sodda konna ngħidu: “Min jaf id-daddy, f’kesħa, kif inhu? Meta kbirt ġieli kont naqbeż qabża sa ħdejh biex nara kif inhu jew neħodlu xi biċċa ħobż. Spiss kien jirrakonta li kien jgħaddi il-lejl fuq bank tal-injam.

Hekk hu, biex tishar ma tridx tkun komdu. Ma jridx ikollok siġġu komdu, ma tridx tkun qiegħed għas-sħana, għax faċli li tmur għajnejk bik u waqt li tkun qed tieħu nagħsa tajba, il-ħalliel jidħol, jagħtik xi xebgħa u jagħmel ħerba fil-post.

Ġesu’ għal dan li qed jistedinna llum. Qed jgħidilna li fil-waqt li hu mhux hawn, sakemm jerġa’ jiġi aħna irridu noqgħodu għassa, u nħarsu dak kollu li hu fdalna f’idejna.

Qed jistedinna l-ewwel u qabel kollox inkunu għassiesa ta’ qalbna; naraw daħlux fiha elementi li qed jisirqulna dak li hu ħallielna. Faċli f’ħajjitna jidħlu persuni, oġġetti, kultant l-istess xogħol tagħna li ma jħalluniex iffukati fuq dak li l-Mulej fdalna f’idejna biex nieħdu ħsieb. Il-paċi tal-qalb mhix ċajta, faċli tinsteraq u bosta drabi inkunu aħna li niftħu l-bieb u lil-ħalliel ngħidulu: “Għaddi, qisu tiegħek, ħu li trid”. Insibuna nagħmlu paċi mal-għadu għax naħsbu li ser jagħtina xi ħaġa minn dak li seraq u ma nindunawx li jkun seraq lilna stess. Allura, tajjeb ngħassu d-deċiżjonijiet li nieħdu aħna u nħarsu lil qalbna. Il-Mulej qed jipprovdilna żmien qaddis biex naraw x’qed jgħammar f’qalbna. Jista’ jkun li tant għamilt ħabib mal-għadu, li ser ikolli naħdem qatigħ biex nikkonvinċieħ jitlaq ‘l barra u jħalli ‘l qalbha bi kwietha. Allura tajjeb nsaqsi: Min qed jisraqli l-ferħ? X’ deċiżjonijiet għamilt dan l-aħħar li telfuni l-konċentrazzjoni?

Jiġini f’moħħi li huwa żmien ukoll li jien nħares lejn il-proġetti li Alla afdali f’idejja; familja, sejħa reliġjuża jew presbiterali, il-komunita’ tiegħi, ir-relazzjonijiet fil-ħajja ta’ waħdi bħala persuna single, il-ministeru li afdali fil-komunita’ tiegħi. Kif qed inħares ir-relazzjonijiet tiegħi? Kulħadd għandu aċċess għalihom jew inkella nipproteġihom għax naf li r-relazzjonijiet daqs kemm huma sbieħ, daqshekk ieħor huma fraġli? Kif qed inħares lil min il-Mulej afdali x’idejja biex nħarsu, ngħinu jikber? X’ħalib qed nisqieh?

Il-Mulej afdali wkoll is-soċjeta’ li qed ngħix fiha. Kif qed nħarisha? Jien wieħed minn dawk li għalija jgħaddi kollox basta ma jaffetwax lili? Kif qed inħares u nipproteġi il-ġid ta’ ħuti? Nħares id-drittijiet tal-oħrajn, anke ta’ dawk li huma tant ċkejknin li ma jistgħux jħarsu lilhom infushom? Liema mentalita’ qed niżra fis-soċjeta’ li ngħix fiha? Kollox jgħaddi jew jgħaddi dak biss li jibni. Meta naħseb fis-soċejta’ tiegħi għaxar snin oħra kif nimmaġinha; soċjeta’ li tixbaħ lil ġenna fl-art jew babilonja?

Għalhekk Ġesu’ jgħid: “Ishru”. Issa mhux żmien li norqod, imma żmien li nħares lil qalbi, ir-relazzjonijiet tiegħi, dak li l-Mulej afdali f’idejja, is-soċjeta’ li ngħix fiha. Ma ninsiex li l-arja li nħammeġ illum ser jieħdu n-nifs minnha uliedi għada.

Għalhekk “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru”, “Mela ishru”, “Dak li qed ngħid lilkom qed ngħidu lil kulħadd: Ishru”. Naqra insistenti Ġesu’ illum, mela ma ġara xejn jekk inkunu aħna wkoll!

Il-Mulej jagħtikom is-sliem.