San Ġużepp ta' Kopertino - il-Qaddis ta' żmien l-eżamijiet

 

San Ġużepp, twieled Copertino, fl-Italja t’isfel fis-17 ta’ Ġunju, 1603. Missieru u ommu kienu foqra imma rabbew familja skond il-valuri Insara. Ma kienx tifel intelliġenti, tant li sħabu kienu jgħajjruh injorant. Meta kellu 7 snin kien diġa’ jinqata f’estasi. Wara marda kiefra, huwa beda jagħmel ħafna penitenzi.

Meta kellu 18-il sena talab biex jidħol mal-Franġiskani Konventwali, fejn kien hemm zijuh Gwardjan tal-Kunvent. Imma billi kien jaf li neputih kien injorant, bagħtu d-dar. Wara ftit żmien mar jitlob biex jidħol mal-Franġiskani Kapuċċini u daħal magħhom fl-1620. Imma ftit dam għaliex ma kienx jaf jiddistigwi bejn ħaġa u oħra, kien jaqleb il-borom, jaqgħawlu l-platti. Lanqas għall-knis ma’ kien tajjeb. Ta’ min jgħid li kellu uġigħ fi rkobbtu u kien izappap. Ma tantx kien jara ċar, tant li l-patrijiet kienu jibżgħu li sa jagħma. Għalhekk il-Patrijiet Kapuċċini bagħtuh mill-ġdid id-dar. Kien għamel 8 xhur fil-kunvent.

Wara xi żmien, San Ġużepp daħal bil-moħbi fil-Kunvent tal-Konventwali ta’ Grottella. Kien staħba taħt it-taraġ tal-Kunvent għal sitt xhur. Is-sagristan tal-knisja deherlu li Ġużeppi ma kienx dak li kulħadd kien jaħseb fuqu. Għaddielu kelma biex almenu jaċċettawh bħala fra.  U semgħu mill-parir li tahom is-sagristan u aċċettawh.

Fra Ġużepp, meta libes it-tonka griża tal-Konventwali, żied fit-tgħakkis u libes katina tal-ħadid. Kien jorqod fuq il-qiegħa ta’ l-art u kien juża ġebla flok imħadda. Meta raw is-Superjuri tiegħu li ma kienx injorant kif kienu pinġewh, qalulu biex jibda jistudja għal saċerdot.

Fil-ħajja tiegħu insibu li kien hemm min lil San Ġużepp kien jarah bħala bniedem injorant, b’danakollu huwa dejjem kien jistudja. Id-diffikulta’ li kellu kienet li jinsa kollox. Kien jitlob ħafna lil Madonna biex tgħinu. U dejjem daħlet għalih! U hawnhekk ta’ min insemmu żewġ ġrajjiet minn ħajtu:

Darba, waqt l-eżami quddiem l-Isqof, hu kien imissu l-aħħar wieħed. Ta’ qablu kienu tant intelliġenti, li l-Isqof ħaseb kemm kienu aktar ippreparati ta’ l-aħħar! Bagħat lil kulħadd lura l-kunvent bla ma’ daħħal l-aħħar ftit! Kollha għaddiehom! San Ġużepp għadda mingħajr eżami.

Darb’oħra, waqt li kien sejjer għall-eżami, nesa kollox u beda jitlob lill-Madonna tgħinu. U kien jaf biss dik is-silta tal-Vanħelu fejn tissemma l-Madonna. Tfixkel meta daħal quddiem l-Isqof, u weħillu ilsienu. Imma l-Isqof staqsih propju silta mill-Bibbja dwar il-Madonna! Tant tkellem sabiħ fuq Marija Santissma, li l-Isqof għaddieh mill-eżami! U sar saċerdot fl-1627.

Mill-kitbiet dwar ħajtu, insibu li San Ġużepp ta’ Copertino kien jagħmel l-almu tiegħu biex jistudja. Kien jgħinu ħafna biex jipprepara għall-eżamijiet, wieħed miz-zijiet tiegħu, anke hu Franġiskan, Patri Giovanni Donato Caputo. Kien jieħu ħafna paċenzja b’San Ġużepp biex jgħinu jiftakar dak li kien studja. San Ġużepp kien jittallab mingħand sħabu x-xemgħa biex jibqa’ jistudja anke matul il-lejl.

Tajjeb li ngħidu li dak iż-żmien l-istudju kien isir bil-lingwa Latina u San Ġużepp kien jaf kemm kienet diffiċli għalih li jitgħallem l-iskola bil-Latin. Imma dejjem afda fil-Madonna li għenitu fil-mumenti l-aktar diffiċli tal-istudji tiegħu.

Dawn huma ftit mill-ġrajjiet li nafu dwar ir-rabta tal-qaddis mal-istudji. Din id-devozzjoni lejn San Ġużepp bħala l-qaddis tal-istudenti (u anke tal-piloti) bdiet propju meta Ġużeppi ta’ Copertino ġie dikjarat beatu fl-24 ta’ Frar 1753 mill-Papa Benedittu XIV. Hija devozzjoni għal qalb l-Patrijiet Franġiskani Konventwali li bdiet tixtered wara l-pubblikazzjoni ta’ ktejjeb żgħir jismu “Novena biex tgħaddi mill-eżamijiet” miktub bil-Latin mill-Abbati D. Fontane fl-1897 li imbagħad ġie tradott għat-Taljan minn Patri Antonio Rocchetti fl-1900. Minn dak in-nhar id-devozzjoni lejh xterdet ma’ kullimkien.

Aktar riċenti insibu devozzjoni oħra dik li jitbierku l-basktijiet tal-iskola fil-festa ta’ dan il-qaddis li ssir fit-18 ta’ Settembru jew f’jum viċin din il-festa. Anke f’Malta fejn għandna l-knejjes tal-Franġiskani Konventwali, mhux darba u tnejn issir il-quddiesa għat-tfal li matulha jitbierku l-basktijiet tal-iskola. Fil-Kunvent tal-Belt Valletta, magħrufa aħjar bħala l-Knisja ta’ San Franġisk jew “Ta’ Putirjal” insibu xbieha tiegħu li dejjem ikollha x-xemgħa tixgħel u mhux rari tara tfal u studenti jitolbu quddiem ix-xbieha ta’ San Ġużepp ta’ Copertino biex jmorru tajjeb fl-eżamijiet. Ħafna Maltin u Għawdxin jiftakru kemm talbuh waqt l-eżamijiet. U hawn nixtiequ li din id-devozzjoni titkompla titrawwem fit-tfal u ż-żgħażagħ tal-lum.