Ilsieni jxandar il-ġustizzja tiegħek - Raniero Cantalamessa

INTERVISTA LIL P. RANIERO CANTALAMESSA

ESKLUSSIVAMENT LILL-ĦABBAR TA’ SANT’ANTNIN - RIVISTA TAL-FRANĠISKANI 

WAQT IŻ-ŻJARA TIEGĦU F’MALTA

23-31 MEJJU 2014

 

Kemm-il sena ilek predikatur tal-palazz appostoliku?

Ili 35 sena, l-aħħar randan li ppritkajt din is-sena kien il-35 wieħed, bdejt bi Ġwanni Pawlu II fl-1980, ikkonfermani Papa Benedittu u issa wkoll Papa Franġisku. Dan il-ministeru jingħata lill-Kapuċċini. Il-Ministru Ġenerali jippreżenta tliet ismijiet lill-Papa, u hu jagħżel wieħed, u mill-1980 dan l-isem hu jien. Naħseb li l-Papiet għandhom sabar kbir u jridu jisimgħu lill-istess predikatur.

Kemm-il darba fis-sena jitolbuk taqdi dan il-ministeru?

Dal-ministeru jikkonsisti f’li wieħed jipprietka meditazzjoni kull nhar ta’ Ġimgħa filgħodu tul l-avvent u r-randan, għalhekk huma żewġ żminijiet fis-sena. Dis-sena, ngħidu aħna, kienu disgħa, tlieta fl-avvent u sitta fir-randan.

Kif kienu ntgħażlu l-Kapuċċini għal dan il-ministeru?

Qabilna kienu jissejħu predikaturi minn diversi ordnijiet reliġjużi l-aktar nett il-Ġeżwiti mill-1500 ’l quddiem. Fl-1700 kien hemm Papa li reġa’ qassam l-uffiċċji, lid-Dumnikani tahom it-teologu pontifiċju, u lill-Franġiskani Kapuċċini tahom il-predikazzjoni, għax dak iż-żmien il-Kapuċċini kienu popolari ħafna għall-predikazzjoni.

Inti ppritkajt lil tliet Papiet, x’tiftakar partikulari fuq kull Papa?

Qattajt 25 sena ma’ Ġwanni Pawlu II u għalhekk tiegħu għandi ħafna tifkiriet u anedotti, imbagħad hu kellu ħila kbira kif juri mħabbtu, sikwit kien jiġi jħaddanni miegħu qabel u wara l-prietka. Kien bniedem ta’ umiltà straordinarja, kultant wara l-prietka kien jgħidli: ‘Illum iċċarajtilna ħafna ħwejjeġ.’ Jew kien jagħmilli l-qalb biex nippubblika dak li nkun ktibt. L-aktar tifkira impressjonanti tiegħu, ftit ġranet qabel miet kienet fi żmien ir-randan, jien kont qed nipprietka, u hu kien qed isegwi mill-istudju tiegħu bir-radju, wara l-prietka tlajt insellimlu u tabilħaqq kien Kristu fuq is-salib, ma kien jiflaħ jagħmel xejn, kellimni biss b’għajnejh. Tabilħaqq f’dawk is-snin huwa ta lill-Knisja ħafna aktar minn meta kien mimli bl-enerġija. F’Benedittu tolqotni l-umiltà tiegħu, l-għaqal, kien tip differenti, aktar mistħi, iżda ta’ ħlewwa u tjieba liema bħalhom. Anki bħala prefett tal-kongregazzjoni għall-ħarsien tal-fidi, meta kien għadu kardinal, dejjem sibtu hemm fl-ewwel ringiela. Ta’ Papa Franġisku niftakar l-ewwel impatt, għaliex is-soltu waqt il-prietka l-kardinali u l-isqfijiet kienu joqogħdu quddiemi fil-kappella Redemptoris Mater, u l-Papa kien joqgħod f’kappella tal-ġenb mhux mal-oħrajn. Iżda fl-avvent li għadda, meta bdejt ma’ Papa Franġisku sibtu sewwasew quddiemi mal-kardinali u mal-oħrajn, dan hu l-istil tiegħu.

X’tgħidilna fuq iż-żjara tiegħek f’Malta?

Din hija r-raba’ darba li ġejt Malta, u kull darba hi esperjenza ta’ fidi, b’ospitalità u ħlewwa mill-aqwa, iżda hi tabilħaqq esperjenza ta’ fidi. Did-darba bis-saħħa ta’ Fr. Hayden, li suppost għandi nċanfru għax kaxkarni f’din l-avventura... iżda naħfirlu... stajna norganizzaw ħafna ħwejjeġ, nitkellmu ma’ bosta kategoriji ta’ nies, reliġjużi, lajċi, kleru, u minkejja d-dgħufija ta’ leħni, għax għadni kemm temmejt żmien twil ta’ predikazzjoni, ilkoll kienu ġentili u laqgħuni tajjeb.

L-aħħar messaġġ lill-poplu Malti f’dawn iż-żminijiet ta’ sfidi kbar kontra l-fidi.

Intom issa sirtu parti mill-Ewropa magħquda, bħalna t-Taljani, u għalhekk dħalna f’kuntest li żgur ma jħajjarniex għall-fidi u r-reliġjon, anzi donnu hemm konfoffa li jimponu fuq kulħadd sistema ta’ ħsieb u kultura sekularizzata u atea... Ejjew inżommu sħiħ kif kienu jagħmlu l-ewwel Insara li ma setgħux iserrħu rashom fuq il-protezzjoni tal-liġijiet tal-istat, iżda kienu jgħixu għalihom b’koerenza ta’ ħajjithom, u b’hekk seħħilhom ibiddlu s-soċjetà. Infittxu li ma nħallux li tkun is-soċjetà tal-lum li tbiddel lilna. Sakemm jirnexxilna, ejjew ngħixu l-Vanġelu b’mod koerenti, mingħajr ma niċħdu d-dinja, u mingħajr ma noqogħdu nċanfruha l-ħin kollu. Kif jgħid Papa Franġisku: id-dmir tagħna hu li ma ngħidux lid-dinja kemm tinsab ’il bogħod mis-sewwa, imma li niġbduha u nsaħħruha bil-ġmiel tal-Vanġelu.

 

Dalia Kandalaft