4. Fittex konferma permezz tal-Kelma ta’ Alla

Ir-raba’ tappa tikkonsisti f’li wieħed ifittex konferma permezz tal-Kelma ta’ Alla għax, “musbieħ għal riġlejja l-Kelma tiegħek, Mulej, u dawl fil-mogħdija tiegħi” (Salm 119:105). Wieħed jista’ jħalli l-qari tal-quddiesa tal-jum ikellmu, bħalma għamel San Franġisk nhar il-festa ta’ San Mattija, fl-24 ta’ Frar 1208. F’dak iż-żmien, iż-żagħżugħ Franġisku kien qed iħossu msejjaħ biex jaqdi lill-Mulej imma kien għadu mhux qed jara ċar b’liema mod kellu jagħmel dan. Waqt il-quddiesa, Franġisku sema’ tinqara l-Kelma ta’ Ġesu’ lid-dixxipli tiegħu: “Tfittxux li jkollkom flus fuqkom, la tad-deheb, la tal-fidda u lanqas tar-ramm; u la ħorġa għat-triq, la żewġt ilbiesi, la qrieq u lanqas ħatar ” (Mt 10: 9-10). Imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, il-Fqajjar t’Assisi ħass li dik il-Kelma kienet inqrat propju għalih, f’dak il-jum u f’dik iċ-ċirkustanza li kien jinsab fiha biex tikkonfermalu l-għamla ta’ ħajja li kellu jgħix. Kien għalhekk li malli semagħha, stqarr b’persważjoni sħiħa: “Dan hu li nixtieq nagħmel b’qalbi kollha![1]

           Wieħed jista’ wkoll jiftaħ il-Kelma ta’ Alla kif ġie ġie u jħalli s-silta li titfaċċa quddiemu tkellmu. Franġisk kien imħarreġ sew f’dan l-eżerċizzju. Ħa nag]ti eżempju wieħed mill-ħafna li hemm. Lejn l-aħħar ta’ ħajtu, huwa rtira fuq il-muntanja La Verna biex hemmhekk jingħata iktar għat-talb. U kull darba li kien jiftaħ l-Evanġelju biex ifittex ir-Rieda ta’ Alla, dejjem kienet titfaċċa s-silta li titkellem dwar il-Passjoni u l-Mewt ta’ Kristu.  Hekk, Franġisku fehem li Ġesu’ riedu jsir jixbhu mhux biss fil-missjoni tiegħu imma wkoll fit-tbatija tiegħu.  Infatti ftit wara, San Franġisk irċieva l-pjagi mqaddsa li dam iġorrhom għal sentejn sħaħ sakemm miet. Ovvjament, kif jispjega b’reqqa l-Kapuċċin Taljan, Patri Raniero Cantalamessa, “irridu nevitaw li nużaw l-Iskrittura b’mod maġiku, jiġifieri niftħuha mingħajr ma nkunu tlabna ... Wieħed ma jistax jilgħab logħob ma’ Alla, g]ax Alla ma jiġix ikkonsultat biċ-ċajt; Alla għandu jiġi kkonsultat b’dan il-mod meta wieħed huwa determinat li jagħmel dak li Alla jurieh li għandu jagħmel, jiġifieri, minn min ikun qed jgħix fi klima spiritwali ta’ ubbidjenza lejn Alla.”[2]

[1] Fra Tumas minn Celano, L-Ewwel ħajja ta’ San Franġisk, kap 9.

[2] Ara  R. Cantalamessa, Fr Cantalamessa evaluates weekly meditations, fi: https://www.zenit.org/rssenglis h-24324