Martri ieħor tal-Imħabba

Il-Gestapo jħaffrulu għajnejh, jaqtawlu lsienu, jidfnuħ ħaj imma hu żamm is-sigriet sal-aħħar. Twieled fl-1907 f’Kerso (Illum Kroazja, imma dak iż-żmien Italja). Ġie deskritt bħala bniedem qasir, fiżjonomija dgħajfa u zgħira, jzappap. Huwa Franġiskan Konventwal li wara l-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu fl-1930 jiġi assenjat biex jagħti servizz fil-Bażilika ta’ Sant’ Antnin tal-Patrijiet Minuri Konventwali, fejn il-Franġiskani għal sekli sħaħ jħarsu ‘l ġisem ta’ ħuhom Sant’ Antnin ta’ Padova; imbgħad jiġi trasferit għal Milan, imma fl-1937 jerġa’ jiġi msejjaħ biex jagħti servizz f’Padova, u jagħtuh l-impenn li jieħu ħsieb il-pubblikazzjoni tal-“Ħabbar ta’ Sant’Antnin”. Huwa impenn li jieħu b’serjeta’ kbira tant li jirnexxielu jkattar in-numru tal-abbonati b’erba’ darbiet, pero’ hu jħossu iktar komdu u għal qalbu fis-servizz pastorali fil-bażilika u fil-Belt ta’ Padova.

Jirnexxielu jiġbor l-ikel mill-kunvent, jaħbih taħt it-tonka u joħroġ bih barra fil-belt biex iqassmu lill-foqra. It-tonka tiegħu jarfgħuha u ma kienux iħalluh minuta kwiet. Hekk kif in-naħal jinġabar madwar l-għasel, fil-kjostru tal-Bażilika, dejjem kont issib għad ta’ foqra jistennew lil dan il-patri ċkejken. Minħabba dawn il-virtujiet evidenti, id-delegat pontifiċju tal-Bażilika ta’ Sant Antnin jafdalu l-inkarigu li jħares mill-mewt Lhud, Slavi maħruba, żgħażagħ Sloveni li ħarbu minn pajjiżhom minħabba l-kunflitti epokali ta’ nofs is-seklu l-ieħor.

Hu jieħu b’serjeta’ li ma bħalha dan ix-xogħol u jirnexxielu jidħol f’organizzazzjoni sigrieta (FRA.MA) li kellha l-inkarigu li tħarrab nies li kienu f’riskju li jispiċċaw f’kampijiet ta’ konċentrament lejn l-Izvizzera. L-organizazjoni jrexxielha tħarrab mijiet u mijiet ta’ nies li kienu jinsabu f’riskju.

Dan il-patri, irnexxielu jħaddem bl-aħjar mod il-kapaċitajiet grafiċi tiegħu, li kien kiseb bħala direttur tal-Ħabbar ta’ Sant’ Antnin u sar espert fli joħloq dokumenti u ritratti foloz biex iħarrab lil min kien fil-bżonn. It-taħdit “qarrieq” ta’ dan il-patri kien isir fil-konfessjunarju, u min hemm kien jirnexxielu jġib l-informazzjoni ta’ min kellu bżonn jaħrab; u min hemm iqassam id-“Dokumenti l-ġodda”.

Il-ħidma ta’ dan il-patri xi ħadd sar jaf biha, u il-patrijiet ukoll. Għalhekk biex iħarsulu ħajtu jippruvaw iħarrbuh f’kunvent ieħor tal-Franġiskani, imma ma riedx. Kien jaf li fuqu jiddependu ħafna ħajjiet. Dak li ma rnexxilhomx jagħmlu l-patrijiet għamluh il-Gestapo; infatti ġie msejjaħ urġentament biex jgħin xi wħud li kienu f’riskju, hu mqanqal mill-ħniena rikeb fil-karozza, imma minflok għand il-batut, jew f’kunvent ieħor tal-Franġiskani, spiċċa għand l-SS. Kien it-8 t’Ottubru tal-1944, u sallum għadu “patri mitluf”, li lanqas biss nafu fejn hu midfun.

Kienu oħrajn li iktar tard żvelaw kif spiċċa dan il-Patri. Jgħidulna li kellu agunija twila, luċida u tremenda li tispiċċa bil-mewt u ġismu jinħaraq fi krematorju. “Kellu mġieba mimlija ħlewwa u tama. Jitlob dejjem, b’vuċi baxxa. Kisrulu subgħajh. Kien jolqotni r-ras iebsa li kellu u r-reżistenza li wera’ sal-aħħar”. Hekk jirrakonta wieħed li kien kumpann tiegħu fil-Kamp tal-Konċentrament fi Pjazza Oberdan fi Trieste. “Idejh issa deformati miġbura fit-talb kienu jħallu iktar effett fuqna”. Kien iħeġġiġna biex nibqgħu fidili, biex ma niksru l-ebda sigriet, ma nsemmu l-ebda isem, biex ma nġibux fl-inkwiet nies oħrajn, biex ma taqbżilniex lanqas kelma waħda”.

Ir-reliġjon huwa piż li qatt ma tgħejja ġġorru, imma li jqanqalek tħobb dejjem iktar sa ma tagħmel saġrifiċċji kbar, saħansittra sal-mewt f’tormenti kbar, kif għexu il-martri tal-Kristjaneżmu”. Hekk kien kiteb lil ġenituri tiegħu, meta kien għadu patri żgħażugħ. Kellu 37 sena meta ħa l-martirju. Iben dehen ta’ San Franġisk t’Assisi ġie msejjaħ bħala “San Massimiljanu Kolbe ta’ Padova”. 

Fil-proċess lejn il-Beatifikazzjoni, nhar it-30 ta' Awwissu 2021, il-Papa Franġisku għaraf l-għixien tal-virtujiet erojċi ta' dan il-martri tal-imħabba.  

Dan hu Padre Placido Cortese OFM Conv.