L-ewwel tappa tal-metodu tinġabar f’mument ta’ talb lill-Ispirtu s-Santu. It-talba lit-Tielet Persuna tat-Trinità Qaddisa tista’ tieħu diversi forom. Hawn min iħobb ikanta xi għanja popolari lill-Ispirtu Qaddis, (bħal per eżempju, xi strofi mill-innu antik Veni Creator Spiritus, ‘Ejja Spirtu Ħallieq’) jew inkella jagħmel użu minn xi formola vokali bħal ngħidu aħna, ‘Missier Qaddis, f’Isem Ġesù, ġedded fija d-Don tal-Ispirtu s-Santu’. Il-forma tat-talba mhux tant importanti daqskemm l-atteġġjament intern li tesprimi t-talba verbali. Jekk nagħmlu din it-talba mingħajr atteġġjament serju ta’ ftuħ, ta’ smigħ, ta’ doċilità għall-Ispirtu s-Santu, it-talba tkun qisha “strument tar-ramm iżarżar jew platti jċekċku” (1 Kor 13:1), ġisem mingħajr ruħ, arzella mingħajr perla. San Franġisk t’Assisi kien ‘devot’ kbir tal-Ispirtu Qaddis, tant li ħatru bħala l-veru Ministru Ġeneral ta’ l-Ordni Franġiskan. Il-kelma ‘devot’ ġejja mill-kelma Latina, devotio, li tfisser “tagħti lilek innifsek lil”. Allura, meta qed ngħidu li Franġisku kien devot kbir tal-Ispirtu s-Santu qed nifhmu li l-Fqajjar t’Assisi għex ħajtu b’atteġġjament ta’ smigħ kontinwu għall-ispirazzjonijiet tal-Ispirtu s-Santu.