Is-Sebgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
“Kattar fina l-fina l-fidI”, hekk talbuh l-appostli, u vera jrid ikollok fidi biex jirnexxielek tomgħod u tniżżel sal-istonku l-aħħar frażi li biha jagħlaq dan il-Vanġelu. “Aħna qaddejja li ma niswew għalxejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu”. X’aħbar tajba jista’ jkun hemm fi frażi li tgħidli li jien ma niswa għalxejn? Mhux biss qaddej; imma ma niswa għalxejn ukoll!
Ġesu’ bħal dejjem iridna ħielsa. Jaf li l-apprezzament għalina huwa mportanti imma jaf ukoll kemm kapaċi nsiru dipendenti fuqu, u li bosta drabi nkejjlu s-suċċessi tagħna minn kemm ħaddieħor japprezza dak li nagħmlu jew le.
Jaf li għalina diffiċċli mmens li nikkunsidraw lilna nfusna “qaddejja li ma niswew għalxejn”. Jaf li għadna ċerti bżonnijiet; primarju fosthom li nkunu maħbuba. Jaf li anke fir-relazzjoni tagħna miegħu aħna nteressati f’dak li ser jagħtina. Darba Pietru ma ddejjaq xejn jgħidlu f’wiċċu li jrid xi ħaġa lura: “Ara, aħna ħallejna kollox u ġejna warajk, issa x’ser nieħdu”?
Allura mhux kontra natura li jippretendi li aħna jkollna raġunament hekk aħrax fuqna nfusna? Kontra natura iva, sakemm nagħrfu min hu s-Sid. Forsi s-sid f’din il-parabbola ma qalx lill-qaddej biex jpoġġi komdu bilqiegħda jiekol wara li ħadem u stinka ġurnata sħiħa; imma s-Sid tal-art u s-sema niżel jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu. Is-sid tal-art u s-sema ssallab ma’ salib. Dak li bih sar kollox u mingħajru ma sar xejn qal: “Jien ma ġejtx biex nkun moqdi imma biex naqdi”. Hu li kellu n-natura ta’ Alla ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, imma tneżża minn kollox. Ġesu’ Kristu kien ħieles minn natura tiegħu ta’ Alla, ma ħallijiex iżommu milli jkun qaddej li ma jiswa għalxejn.
Fil-loġika ta’ Ġesu’ il-qaddej li ma jiswa għalxejn huwa dak li hu ħieles; dak li jista’ jiċċaqlaq għax m’għandu xejn xi jżommu. Dak li iktar jikkonċentra fuq min hu Sidu, milli x’qed jitlef minħabba Sidu. Forsi qed tgħidu bħali waqt li qed nikteb: “Imma għalfejn għandi nidħol f’din il-loġika ta’ Ġesu’?”. Propju għax għadna bżonn nitħarrġu biex inkunu liberi. F’ħajjitna kien hemm, hemm u ser ikun hemm ġrajjiet li ser jġgħeluna nitneżżgħu minn dak kollu li hu tagħna jew li aħna aħna; l-ikbar waħda hi l-mewt. Ftit taħriġ biex id-daqqa ma tkunx kbira ma jagħmilx ħażin. Jagħmilna tajjeb li nidħlu f’din il-loġika biex nitgħallmu nħobbu aħjar mingħajr ħafna kalkoli ta’ x’ser nitilfu jew nirbħu.
Hija biss l-imħabba vera li tagħmlek abbli li ssir ma tiswa’ xejn biex tirbaħ il-kollox! Iltqajt ma’ nies li quddiem l-esiġenzi tal-imħabba tan-nies afdati f’idejhom isiru verament qaddejja li ma jiswew għalxejn; jitilfu kollox, imma jirbħu kollox għax l-imħabba tirbaħ lilhom. Eżempji għadna biex inbiegħu!
Il-Mulej jagħtikom is-sliem