Il-Maħfra ta'Assisi

Il-Fonti Franġiskani jirrakkuntaw kif lejl minnhom fis-sena 1216, San Franġisk kien qed jitlob ħdejn il-Kapella tal-Porzjunkola. F’ħin minnhom ra dawl kbir ħiereġ mill-kapella. X’ħin resaq biex jara x’ kien qiegħed jiġri, jara fuq l-artal lil Ġesu’, lil ommu l-iktar santissima, mdawra b’għadd kbir ta’ anġli.

Huma staqsewh x’jixtieq jitlob għas-salvazzjoni tal-erwieħ. It-tweġiba ta’ San Franġsik kien waħda immedjata: “Nitlob li dawk kollha, li jkunu nidmu u qerrew dnubiethom, u jiġu f’din il-Knisja, jieħdu maħfra bla tarf u ġeneruża tad-dnubiet tagħhom, u t-tneħħija minnhom ta’ kull ħtija”.

“Dak li qed titlob Fra Franġisk huwa kbir” wieġbu il-Mulej, imma jistħoqlok wisq iktar minn hekk, u wisq iktar minn hekk jien ser nagħtik. Nilqa’ għalhekk it-talba tiegħek, bil-kundizzjoni li inti titlob lill-Vigarju tiegħi fuq l-art din il-grazzja!

Franġisk għalhekk imur għand il-Papa Onorju III li semgħa bil-qalb dak li kellu xi jgħidlu Franġisku u minnufih tah l-approvazzjoni tiegħu. Il-Papa staqsieh: “Franġisk għalkemm tridha din l-indulġenza”? Il-Qaddis wieġbu: “Missier Qaddis, mhux qed nitlob snin, imma erwieħ”. U hekk, ferħan se jtir, fit 2 ta’ Awissu tal-1216, flimkien mal-isqfijiet tal-Umbrija, ħabbar lin-nies li kienu ġew il-Prozjunkola: “Ħuti l-għeżież irrid neħodkom ilkoll il-ġenna”.

Mix-xewqa ta’ San Franġisk li jixtieq jieħu lil kulħadd il-ġenna titwieled il-Festa tal-Maħfra t’Assisi, il-Festa tal-Ħniena ta’ Alla, li kif ifakkar Papa Franġisku ma jgħejja qatt jaħfer u jħenn. Hekk kull sena miljuni ta’ pellegrini jersqu lejn il-Porzjunkola – Santa Marija tal-Anġli – f’Assisi, u minn nofshinar tal-1 ta’ Awissu biex minn dak il-post qaddis jieħdu l-indulġenza tal-maħfra ta’ Assisi.

Kundizzjonijiet biex wieħed jirċievi l-Indulġenza:

·        Iqerr dnubietu tmien t’ijiem qabel jew wara il-pellegrinaġġ tiegħu fil-Porzjunkola; jew il-Festa tal-Maħfra t’Assisi.

·        Jieħu sehem fl-Ewkaristija u jitqarben fl-istess żmien indikat għas-sagrament tal-qrar.

·        Jżur il-Knisja tal-Porżjukola (jew fi kwalunkwe knisja Frangiskana) fejn hemm iġedded il-fidi tiegħu, permezz tal-KREDU, tat-TALBA TAL-MISSIERNA biex jerġa’ jistqarr lu hu Bin Alla.

·        Talba skond l-intenzjoni tal-Papa, (normalment: Missierna, Sliema u Glorja)