“Meta nikber nixtieq insir saċerdot!”

Hekk kont inwieġeb lil dawk li spiss kienu jistaqsuni x’nixtieq insir meta nikber. Għalija kien ċar. Meta nikber nixtieq insir Saċerdot! It-toys tiegħi kienu l-knisja ċkejkna li kelli bl-altar tal-injam li għamilli missieri. Kont ngħaddi siegħat twal nilgħab, narma il-gandlieri, is-set tal-appostli tat-tafal, il-kalċi żgħir u l-għadd ta’ affarijiet oħra li kelli. Kont inġib l-ostji mingħand is-soċi tal-museum li kien hemm viċin tagħna, kont nuża ftit coca flok inbid  (in-nannu xi kultant kien baxxa baxx jagħtini l-inbid veru) u kont taparsi nqaddes il-quddiesa. Ix-xemx minn filgħodu turik!

Mal-mogħdija taż-żmien, għalkemm bqajt bl-istess fehem, bdejt naħbat naqta’ qalbi. Fl-iskola ma kont xi stilla, lanqas ma kont xi wieħed mgħaxxex, bil-maqlub kont fuq tiegħi ħafna. Għalkemm kont abbati u dejjem madwar il-knisja, la kont San Duminku Savju u lanqas San Pankrazju, u ma kelli l-ebda raġġiera fuq rasi, anzi, xi kultant kont nistħajjel li qed jispuntawli l-qrun. Biex tagħqad, meta għamilt l-O levels, għalkemm ġibt is-suġġetti kollha, l-Ingliż bqajt ma ġibthux. Aktar bdejt naħseb li s-saċerdozju mhux għalija.

Iż-żmien kompla għaddej. Qbadt naħdem il-Posta u f’istess waqt bqajt involut fl-attivitajiet ta’ żgħażagħ tal-Parroċċa: fil-Youth Centre u fil-Pageant Group. Sħabi wieħed wara l-ieħor bdew isibu tfajla u ħasbu bis-serjeta’ biex iħejju għaż-żwieġ. Mill-grupp ta’ mpari jien biss bqajt waħdi. Bdejt naħseb li għalkemm fil-fond ta’ qalbi nixtieq isir saċerdot, Alla kien donnu ried xi ħaġa oħra minni. Allura qtajtha li nsib tfajla jiena wkoll. U hekk bdejt noħroġ ma’ tfajla mill-grupp. Il-ħolm tiegħi issa kien li niżżewweġ u ngħaqqad familja.

Darba minnhom, ġie Patri Max Mizzi – illum qed igawdi l-Glorja tal-Ġenna – u stieden lit-tfajla u lili biex immorru miegħu għal grupp ta’ Talb Kariżmatiku. F’mument minnhom waqt għamilna kors ta’ tħejjija biex inkunu nistgħu nġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija talbuna niftħu ħajjitna għal Ġesù. Niftakar kont ħadt dan il-kors bis-serjietà u tassew talb lil Ġesù jiġi f’ħajti. Nemmen li ġie. Is-sabiħa li ma jiġix b’idu vojta. Ġieb f’qalbi ix-xewqa ta’ tfuliti – dik li nsir saċerdot.

Wara tassew għaddej żmien fejn ma kontx naf eżatt Alla x’ried minni. Kien moment delikat u diffiċli.  Imma, bl-għajnuna tat-talb u tad-direzzjoni spirtwali, sibt il-kuraġġ li niftaħ qalbi mat-tfajla u għidtilha li qed inħoss li Alla jridni naqbad it-triq għas-saċerdozju. It-tfajla fehmitni. Waqafna fl-Imnarja 1976.

Ftit ġimgħat wara reġa’ ġie Patri Mizzi u stedinni biex nieħu sehem f’mixja minn Siena għal Assisi fl-okkażjoni tas-750 sena mill-mewt ta’ San Franġisk. Ħadt il-leave mix-xogħol u mort. Matul din il-marcia bdejt isir naf lil San Franġisk u bdejt inħossni ninġibed lejh u xtaqt insir nafu aktar.

Kif ġejt lura Malta, bħala prova biex nifhem tassew jekk il-Mulej kienx qiegħed isejjaħli, ħsibt li nibda nistudja biex nerġa’ nagħmel il-GCE tal-Ingliż u dak tal-A level tar-Religion. Meta ħadt ir-riżultat sibt li għaddejt mit-tnejn. Kien għad hemm, iżda, ostaklu ieħor. Jien dejjem xtaqt insir Ġiżwita u issa ma sant’Injazju nibet San Franġisk. X’ried il-Mulej? Għamilt directed retreat ta’ disat’ijiem, mexxini Patri Ġiswita u matul l-irtir kelli nagħmel għażla. L-għażla f’dak l-ispirtu ta’ dixxerniment waqgħet fuq San Franġisk.

Bdejt kuntatti mal-Provinċjal tal-Franġiskani Konventwali, li magħhom kien Patri Mizzi, u f’qasir żmien, f’Marzu 1978, bid-dmugħ f’għajnejja, ħallejt id-dar t’Ommi u Missieri u bdejt ngħix fil-kulleġġ tagħna f’Birkirkara. Minn hemm kull filgħodu kont immur ix-xogħol u xħin nispiċċa lura l-kunvent. Sitt xhur wara, tlabt sena vocation leave mix-xogħol u mort Padova nagħmel is-sena ta’ Novizzjat.

Kif ġejt minn Novizzjat bdejt l-istudji tal-filosofija u t-teoloġija li kellhom iwasluni fejn dejjem xtaqt – lejn it-taraġ tal-altar. Fl-1 ta’ April 1984 għamilt l-aħħar voti bħala Franġiskan (dejjem ngħid li kienet l-akbar u l-isbaħ April fool ta’ ħajti). Xahrejn wara, fl-Imnarja filgħaxija, eżatt tmien snin wara li ħallejt it-tfajla, kont qed niġi ordnat djaknu fil-konkatidral ta’ San Ġwann. F’Lulju tas-sena ta’ wara kont ordnat Saċerdot.

Mur ifhem il-pjanijiet tal-Mulej! Kien hemm tant tfal oħra intelliġenti, bravi, twajba u donnhom maqtugħa bil-ħafna aktar minni, madankollu, lili għażel. Il-ħolm li kont noħlom ta’ tifel. Seħħew tassew. Kbirt u hekku, sirt Saċerdot.

 

P. Thomas Calleja OFM Conv