Atteġjamenti meħtieġa biex isir dixxerniment tajjeb 1
Intenzjoni Retta
L-ewwel u qabel kollox, min se jagħmel dixxerniment irid ikollu tħeġġeġ f’qalbu x-xewqa li jfittex biss ir-Rieda ta’ Alla. Din l-attitudni kienet imnaqqxa f’moħħ u f’qalb San Franġisk, kif jurina Fra Tumas minn Celano meta jgħid li, “ … Franġisku kien jitħabat bil-qawwa kollha ta’ ruħu biex jagħraf liema mod, liema triq u liema xewqa setgħu jkunu jaqblu l-aktar biex jingħaqad aktar bis-sħiħ mal-Mulej Alla u ma’ dak li l-iktar jogġħob lir-rieda tiegħu. Hawn kienet tinsab dejjem il-filosofija tiegħu, hawn kienet tinsab l-ogħla xewqa fih, li sakemm dam jgħix kienet dejjem taqbad fih …”[1] L-istess attitudni terġa’ toħroġ b’mod qawwi fit-talba mitqlu deheb li San Franġisk ħallielna fi tmiem l-Ittra li kiteb lill-Ordni kollu fejn jitlob lil Alla biex joġgħbu jagħti lilu u lil ħutu l-patrijiet “il-grazzja li nagħmlu dak li nafu li trid int u li nkunu rridu dejjem dak li jogġħob lilek.”[2]
Bħal San Franġisk, ħafna qaddisin kellhom din ir-rieda qawwija li jridu jogġħbu biss lil Alla. Per eżempju, il-Beatu Charles de Foucauld fit-talba ta’ abbandun f’Alla li ħallielna, jikxfilna xewqet qalbu meta jitlob lil Alla l-Missier bil-kliem: “Agħmel biss li r-Rieda tiegħek isseħħ fija u fil-ħlejjaq kollha tiegħek. Ma nixtieq xejn aktar Mulej …” Fuq l-istess nota, Santu Wistin, fit-talba tiegħu li tibda bil-kliem ‘Lilek biss inħobb Mulej’ jagħti d-dritta lil Alla, donnu f’telfa ta’ namrat, u jistqarr: “lilek biss irrid infittex u lilek biss irrid naqdi; nitolbok Mulej ikkmandani dak li trid! Irrid naqdik bil-ferħ kollu ta’ qalbi!” San Ġorġ Preca jiġbor din l-attitudni fil-famuża ‘intenzjoni retta’ li min jaf kemm-il darba ppriedka dwarha. Skont il-fundatur tas-Soċjetà Museumina, li jkollok intenzjoni retta jfisser li “dejjem tħares lejn Alla u lilu biss tifhem f’kollox tigglorifika, u minnu biss tistenna ħlas.” [3]