Sintonija

Fil-bidu tar-Randan nisimgħu għal-tlett darbiet: “Meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor”. “Meta titolbu, tkunux bħal dawk ta’ wiċċ b’ieħor...”. “Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor...”.

Ir-Randan mhux żmien fejn nikkuntenta ruħi biss billi ma niekolx laħam nhar ta’ Ġimgħa, jew inkella nħossni tajjeb billi nżid xi devozzjoni oħra. Ir-Randan huwa żmien fejn jien nidħol fija nniffsi u nara liema huma l-kontradizzjonijiet li jgħammru f’qalbi, minn fejn ġejjin u kif nista’ bil-qawwa ta’ Alla nfieq minnhom biex nkun kapaċi ngħix fil-verita’. Ir-Randan huwa żmien fejn jien nagħmel verita’ dwari nniffsi, ma mmurx insib ruħi nippreżenta immaġni tiegħi nniffsi li ma taqbilx ma’ dak li jien fil-verita’. Kultant nista’ tant nidra nippreżenta tip ta' immaġni tiegħi nniffsi, li anke jekk ma tkunx vera, nibda nemmen li hi. Tant inkun drajt nirreċta li nsir il-persunaġġ li tiegħu nkun qed nirreċta il-parti.

Il-qaddisin ma kienux nies ta’ din ix-xorti. Mnebbħa mill-Kelma t’Alla, kienu kapaċi jmorru għall-għeruq, għall-problemi veri, waqt li jevitaw dak il-formaliżmu żejjed li ma jwassal imkien u jħalli s-sitwazzjoni eżatt kif ikun sabha. Franġisk minn Assisi kien wieħed minn dawk li meta kien jitkellem kien jaf jindika il-qalba tal-problema. Dan kien jagħmlu mhux biss bil-kliem imma ħafna iktar bl-għemil.

Hekk ġara meta darba fuq l-insistenza ta’ Fra Elija ta’ Kortona, Franġisku mar San Damjan biex jippriedtka lil Klara u lis-sorijiet tagħha:

“Meta s-sorijiet nġabru, kif kienet id-drawwa biex jisimgħu il-Kelma ta’ Alla, u anke biex jaraw lil missierhom, Franġisku refa’ għajnejh lejn is-sema, fejn kienet tinsab qalbu u beda jitlob lill-Mulej. Imbgħad ikkmanda li jġibulu l-irmied u bih għamel ċirku fl-art madwaru. Iż-żejjed ferrxu fuq rasu. Is-sorijiet, waqt li kienu qed jaraw dan kollu imtlew bil-għoġba. F’daqqa waħda, il-qaddis, qam mill-art, u beda jgħid Salmi 51, u xħin spiċċa, b’ħeffa telaq ‘l barra”.

Tumas minn Ċelanu, l-awtur ta’ din il-ġrajja jgħidilna li s-sorijiet mhux biss riedu jisimgħu il-Kelma ta’ Alla imma riedu wkoll jaraw lil Franġisku. Dan, lil Franġisku ma daqqlux. Jkompli Ċelanu: “Bil-fatti għallimhom biex jqisu lilhom infushom rmied, u wkoll li qalbu ma kienet tħoss għalihom l-ebda sentiment li ma kienx jaqbel ma’ dan il-ħsieb”.

L-atteġjament ta’ venerazzjoni u l-imħabba li kellhom is-sorijiet lejn Franġisku setgħet għall-Franġisku tkun problema. Il-mezz (Franġisku), seta' jieħu post il-messaġġ (Il-Kelma ta’ Alla) u propju dan li Franġisku ma riedx. B’ dak li għamel uriehom b’mod ċar ir-realta’ tiegħu ta’ midneb.

Franġisk ried li moħħu, qalbu u l-immaġini li jagħti tiegħu nniffsu jkunu f’sintonija. Bil-qawwa tal-Kelma li tagħmel verita’ fuqna nfusna, nistgħu aħna wkoll nsiru bnedmin sħaħ, u ta’ barra jixhed li hemm ġewwa u ta’ ġewwa jidher minn barra.