Id-Disgħa u Għoxrin Ħadd matul is-Sena

Immaġina li jiġi xi ħadd jgħidlek li daqt ser imut minħabba li skoprewlu xi marda gravi, u ir-reazzjoni tiegħek tkun xi ħaġa hekk: “Tajjeb, dak ifisser li jiena ser nirtek”. Immaġina kif tibqa’! Hekk ġara lil Ġesu’ meta ħabbar li kellu jbati. Jekk tmorru tfittxu ftit fil-Bibbja, fil-Vanġelu ta’ San Mark u tfittxu il-Vanġelu li għadna kemm qrajna, tindunaw li d-dixxipli qatt ma fehmu xejn minn dak li qal Ġesu’ dwar is-salib. Ġesu, għodwa waħda jmur jgħid lid-dixxipli tieghu: “Iftħu widnejkom sewwa għall-dawn il-kelmiet: Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f’idejn il-bnedmin.” Eżatt wara Ġakbu u Gwanni jagħmlu waħda mill-ikbar gufs ta’ ħajjithom. Ġesu’ tlett darbiet ħabbar il-fatt li kellu jmut u, skond San Mark l-ebda waħda ma marret tajjeb.

L-ewwel darba li ħabbarha Pietru jqajjem rixu, u ta’ żatat li kien imur jgħidlu: “Ma jkun qatt”. U Ġesu’, lill-ewwel Papa jgħidlu: “Itlaq minn quddiemi ja xitan, int tfixkil għalija”. Min jaf x’kien ħaseb Pietru. Żgur li kien ħaseb li Ġesu’ kien xi mexxej qawwi politiku, jitla’ Ġerusalem ikeċċi lil Rumani, u Pietru jkun l-ewwel President tal-istat il-ġdid. Imma Ġesu’ malajr iġibu f’postu: “Itlaq minn quddiemi Xitan”. Ried jgħidlu: “M’intiex fis-sewwa f’dak li qed taħseb li jien, jien ma ġejtx biex inkun moqdi imma biex naqdi”.

It-Tieni darba li jħabbar il-mewt tiegħu tqum il-kwistjoni bejn l-appostli dwar min hu l-ikbar.

It-tielet darba li Ġesu’ jgħidilhom li kellu jmut Ġwanni u Ġakbu jmorru jitolbuħ biex wieħed joqgħod fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug. Bħalna, imsieken ma fehmu xejn.

U allura Ġesu’ b’paċenzja kbira jipprova jfiehem lill-appostli, u magħhom lilna wkoll li s-Saltna tiegħu ma hiex ta’ din l-art. Hu verament ġie biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-bosta. Il-mod li bih kellu jagħti ħajtu kien dak fuq is-salib, mhux b’xi gwerra. Ried juri lil kulħadd sa fejn kapaċi twassal l-imħabba. U allura biex l-eżempju żgur jibqa’ ġo moħħhom, iressq lejh tifel żgħir u jgħidilhom: “Min jilqa’ lil dan it-tifel żgħir minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili: u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ lil dak li bgħattni. Għax min hu l-iżgħar fostkomm ilkoll dan hu il-kbir”. Ġesu’ jipprova jgħallimhom li għalih il-kbir u dak illi jaqdi l-iktar, dak illi jservi.

Dan Ġesu’ m’għamlux biss bil-kliem. Tiftakru fl-aħħar ċena. Ġesu’ jgħaddi u jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu. Pietru jieħu skandlu. Ma setax jifhem kif dan il-Messija, kif dan is-Sultan tal-Lhud, jgħaddi u jaħsillu riġlejħ maħmuġa. Għalih kien skandlu kbir li l-Imgħallem tiegħu jinżel għarkupptejh quddiemu u jaħsillu riġlejħ. B’xi mod Pietru b’dak li qal: “Ma jkun qatt li taħsilli riġlejja” ried ifisser: “Kieku kont jien l-Imgħallem u int id-dixxiplu żgur li ma kontx ser ninżel u naħsillek riġlejk”. Imma Ġesu’ bħall dejjem, ta intelliġenti li hu jgħidilhom: “Tifmhu x’għamiltilkom?” “Intom issejħuli l-Imgħallem u il-Mulej, u sewwa tgħidu għax hekk jien. Mela jekk jien li jien l-Imgħallem u il-Mulej ħsiltilkom riġlejkom, hekk agħmlu intom ukoll wieħed lill-ieħor”. Ġesu jrid jurina li quddiemu min hu ċkejken huwa kbir. Il-Vanġelu mimli, anzi miżgħud b’ dawn l-eżempji. Araw naqra Marija hekk kif tirċievi l-aħbar li hi Omm Alla. X’tagħmel? Tmur isservi. Araw il-Vanġelu tal-Għani u Lazzru, kif il-fqir quddiem Alla għandu isem, u qiegħed fi ħdan Abram. Araw ftit il-pubblikan, li jitla it-tempju u jċekken lilu innifsu quddiem Alla u jistqarr li huwa midneb. Ġesu jgħid illi mar lura lejn daru iktar ġustifikat mill-Fariżew li telgħa it-tempju jippoppa sidru u jiftaħar kemm kien tajjeb, u nistgħu nibqgħu insemmu.

Ejjew nitolbu lil Mulej il-grazzja li nkunu ċkejkna u nifmhu li s-setgħa vera tinsab fil-qadi. Ejjew nħossu verament li għax aħna żgħar nistgħu noqgħodu fil-palma tal-id ta’ Alla. Il-bniedem ċkejken huwa dak li jintelaq f’idejĦ, li jħoss it-tgħannieqa tiegħu, fuq kollox li jaf li Alla bih ser jagħmel ħwejjeġ kbar.

Il-Mulej jagħtikom is-Sliem