Id-Dsatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

F’dan iż-żmien, il-Lhud bdew igergru fuq Ġesù għax kien qal: “Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema”. U bdew jgħidu: “Dan mhuwiex Ġesù bin Ġużeppi? Lil missieru u ’l ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid: Jiena nżilt mis-sema?”.

Kellhom ftit raġun li jgergru, mhux hekk! Barra li min igerger dejjem jaħseb li għandu raġun, imma huwa minnu li lil dawn ma ttihomx tort. Huma kienu qed jibbażaw il-fidi tagħhom fuq il-fatti, u l-fatti kienu jgħidu li dan Ġesu’ ma setax kien dak li qed jgħid li hu. L-oriġini tiegħu hija bil-wisq iktar sempliċi minn ta’ xi ħadd li nieżel mis-sema.

Ġesu’ malajr jaqtalhom fil-qasir u jgħidilhom biex ma joqgħdux igergru. Jgħidilhom ukoll li min jemmen għandu il-ħajja ta’ dejjem. X’qabża din Sur Ġesu’, mit-tgergir għall-ħajja ta’ dejjem!

U propju hekk hu. Min jemmen jirnexxielu jmur iktar ‘l bogħod mill-fatti. Min jemmen jirnexxielu jara’ fil-bogħod, joħlom kbir u jwettaq għeġubijiet. Kieku l-Lhud emmnu kienu jmorru ‘l hemm mill-fatt li lil missieru u lil ommu kienu jafuhom.

Il-fidi twassek tara lil Alla, fejn il-fatti jgħidulek li Alla mhux hemm.

Il-fidi twasslek ma taqtax qalbek hemm fejn tħossok li missejt il-qiegħ. Alla huwa ikbar mill-fatti anke jekk huma fatti konkreti ħafna. Alla dejjem ser jiftaħ triq, mhux neċesserjament t-triq li rridu aħna, imma t-triqat tiegħU.

Ħafna drabi jiġrilna li niddeċiedu fuq il-fatti u mhux fuq il-Fatt. Il-Fatt hu li Alla kapaċi u kapaċi ħafna iktar minna. Kemm drabi niddeċiedu mqanqlin mil-bizgħa u mhux mil-profezija?! Kemm kapaċi nemmen li Alla kapaċi jqajjem ulied għalih anke minn borġ ġebel minsi? Il-fatti jridu jkunu trampolin biex wara li nitgħallmu minnhom, nimxu għall-azzjoni. Ħafna drabi neħlu fihom. Allura ara nerġgħu u nerġgħu nistudjaw is-sitwazjoni attwali, nagħmlu studju, niktbu dokument bir-riżultati u….nibqgħu hemm. L-identifikazzjoni tal-problema mhix ekwivalenti għal xi tip ta’ soluzzjoni.  

Kultant, dan, jiġrilna anke lilna li suppost nxandru lill-Rxoxt. Nispiċċaw naqaw f’monotonija ta’ diskorsi daqs li kieku l-fatti ta’ Ewropa mingħajr Alla, ta’ soċjeta’ post Kristjana għandhom l-aħħar kelma. Soċjeta’ post-kristjana, seminarji b’inqas nies, ħajja nisranija li abbli tilfet l-effett fuq is-soċjeta’, valuri minsija jew mibdula, mhumiex sinjal ta’ mewt, imma sinjal li Alla qed iħejji triq, qed jipprepara ġens biex iwassalna għall-ferħ akbar u ħajja aħjar. Għalhekk, ejjew nieqfu nkunu apokalittiċi, daqs li kieku Alla nesa’ jew reġa’ lura mill-wegħdiet tiegħu. Abbli s’issa mxejna bil-modi u fit-triqat tagħna, jasal żmien fejn nibdew nimxu bil-modi u fi triqat tiegħU.

L-ewwel pass hu li nemmnu li Alla ser jagħti l-ħajja liċ-ċirkustanzi li fihom propju ħajja ma tidhirx. Kull mewt, u din hemm bzonn nemmnuha, hemm nibbieta ta’ħajja. Fittixha!

Il-Mulej iqawwikom fit-tama u jagħtikom is-sliem