Il-11 il-Ħadd ta' Żmien ta' matul is-sena
Ġesu' għandu ħabta jesġera ftit. Meta jitkellem fuq ir-ragħaj it-tajjeb ipenġi l-kura li r-ragħaj jagħti lin-nagħġa li kienet intilfitlu daqs li kieku kienet bintu. Ir-ragħaj, fit-tixbiha ta' Ġesu iktar milli għandu nagħġa iktar donnu għandu xi annimal domestiku. Normalment r-ragħaj jgħix minn fuq in-nagħaġ u mhux jagħti ħajtu għan nagħaġ tiegħu. L-istess jagħmel illum meta jitkellem fuq il-bidwi. Skond Ġesu' l-uniku mpenn tal-bidwi huwa li jiżra'. Nafu li r-realta' mhux eżatt hekk. Xi ftit ansja l-bidwi jkollu wkoll.
Madanakollu Ġesu' jissuġerixxi li fil-ħidma tagħna fix-xandir tal-Kelma, aħna għadna niżviluppaw atteġġjament ta’ paċenzja u fiduċja. Il-bidwi, fix-xogħol tiegħi allaħares ma jiżviluppawx dawn il-kwalitajiet. Immaġinaw li kieku fl-ansja li x-xitla tikber, il-bidwi jmur jipprova jiġbed ix-xitla li tkun qed tinbet. Jispiċċa jqaċċata u jitlef kollox. Minn naħa tagħna, irridu dejjem nemmnu li l-qawwa tinsab fiż-żerriegħa u mhux fil-bidwi.
Aħna spiss inbatu minn ansja kronika spiritwali:
* Nidħlu f' ansjeta' għax qed nieħdu wisq żmien biex nsiru qaddisin;
* Nidħlu f' ansjeta' għax dawk li qed nxandrulhom il-Kelma donnhom iktar moħħhom fli jikkontestaw il-Kelma milli jħalluha tagħmel il-frott;
* Nidħlu f' ansjeta' għax qed jonqsu s-saċerdoti u allura mhu ser ikun hawn ħadd biex ikompli dak li bdew ta' qabilna;
* Nidħlu f' ansjeta' għax pajjiżna m' għadux daqshekk kattoliku daqs kemm konna naħsbu li kien;
* Nidħlu f' ansjeta' għax donnu li għad niġu f' minoranza;
* Nidħlu f' ansjeta' għax m' għadniex daqshekk popolari.
Imma Ġesu' qatt ma qalilna li l-qdusija sseħħ f' ħakka t' għajn. "Min irid jiġi warajja jeħtieġ jerfa' salibu kuljum u jimxi warajja". Ġesu' qatt ma qalilna li ser nkunu aħna li ser nikkovertu d-dinja. Lanqas qalilna li hemm bżonn nkunu ħafna. Darba lid-dixxipli tiegħu sejħilhom: "Merħla ċkejkna tiegħi". Lanqas ma qalilna li biex nħossuna li għamilna suċċess iridu bilfors itellgħu xi bandiera fuq bejt biex nuru l-identita' tagħna u nħossuna l-iktar nfluwenti. Lanqas ma qalilna li huwa ħażin li nkunu f'minoranza jew li ma nkunux popolari. Ġesu' qatt ma kien tal-folol jew tal-masses. "Tridux titilqu intom ukoll".
L-ewwel komunita’ nisranija għandha ħafna x’tgħallimna. Kellhom ħeġġa kbira li jxandru l-Vanġelu, imma qatt ma nkwetaw mir-riżultati. Qatt ma beżgħu mill-kobor ta’ istituzzjonijiet ikbar u iktar nfluwenti minnhom. Kieku qagħdu jirraġunaw kif ser ilaħħqu mal-imperu Ruman, kieku żgur ma kienu ser jagħmlu xejn. Kieku beżgħu mill-persekuzzjoni kienu jibqgħu magħluqa fiċ-ċenaklu. Il-komunita’ ta’ Ġesu’ kella bidu dgħajjef u umli madanakollu għaddiet kull qawwa ta’ żmiena. Kieku Pawlu meta ġie fuq ġżiritna qagħad jinkwieta li il-Vanġelu mhux ser ixettel għeruqu fuq din il-ġżira, kien joqgħod kwiet u abbli kien jieħu vaganza tajba qabel ikompli triqtu lejn Ruma!
Ħafna drabi jiġrilna li aħna nemmnu iktar fi kliemna, f'ħidmitna milli fil-qawwa tal-Kelma. Nemmnu iktar fil-bidwi, milli fiż-żerriegħa. Forsi qed tgħidu: "Tajjeb, ma nagħmlu xejn mela". Ġesu' ma jgħidx biex ngħaddu ħajjitna fuq xi bajja, taħt xi umbrella. Ġesu' stess jgħid li l-bidwi jagħmel il-parti tiegħu billi jiżra, kif ukoll jmidd idu għall-minġel għax ikun wasal żmien il-ħsad.
X'ħa nagħmlu mela? Xejn, nemmnu li dak li żrajna u li qed niżirgħu ser jikber, jekk mhux illum, għada, jekk mhux għada, pitgħada. Irridu nemmnu li l-istorja vera tad-dinja, jiktbuha il-qaddisin; dawk li wieġbu għas-sejħa, li kkoperaw mal-grazzja u ħarġu mill-egoiżmu tagħhom.
“Is-sema u l-art jgħaddu”, jgħid Ġesu', iżda kliemi ma jgħaddix jgħid Ġesu'. Il-Kelma għad ikollha l-aħħar kelma. Din il-fidi m'għandha qatt timliena b'suppervja ta min jgħid: "M'għedtlekx jien", imma bl-umilta' li Kelma ta' Ġesu', kienet libera mill-isforzi tagħna, għamlet il-frott fi żmiena u mhux fi żmienna. Irridu nemmnu bis-sħiħ li x-xewqa, il-karba għall-Alla fl-intimu l-iktar profond tal-bniedem, għad tiltaqa' mal-qawwa dgħajjfa, sottili tal-Kelma t'Alla.
Il-Ħadd it-Tajjeb