Il-15 Ħadd matul is-sena
Stramba din! Bagħthom b’ta fuqhom senduqhom! Imma Ġesu’ li jaf sew il-qalb tal-bniedem, jaf li l-ġid tal-art faċli jagħmel lill-bniedem skjav tiegħu u jnessieh minn fejn beda u fejn għandu jasal. Matul it-triq, il-mibgħut għax-xandir tal-Kelma faċli li ċerti affarijiet li jiltaqa’ magħhom jinżlulu iktar ħelwin mill-vokazzjoni tiegħu li jxandar, u kapaċi jeħel magħhom u jinsa’ lil min bagħtu u għalfejn bagħtu.
Biex dan ma jiġrix Ġesu’ lid-dixxipli tiegħu jibgħathom tnejn tnejn biex f’kas li wieħed jinsa’ għalfejn qiegħed fi triq, l-ieħor ifakkru. Jibgħathom tnejn tnejn biex ikunu ħarriesa ta’ xulxin. Kemm hu faċli li meta wieħed jagħmel missjoni waħdu, il-missjoni ssir tiegħu. Jekk ma jkunx hemm xi ħadd li jwieżnu fil-mumenti diffiċli, faċli jaqta’ qalbu. Jekk ma jkunx hemm xi ħadd li jumiljah xi ftit meta jaħseb li laħaq is-sema b’idu faċli li jibda jħossu perfett u jara lill-oħrajn dubbien. Faċli li jagħmel mill-missjoni tiegħu spettaklu u jinqeda biha biex isir popolari u jimla’ l-vojt li jkun qed jimla’ l-qalbu.
Ġesu’ jordnalhom biex ma jieħdu xejn magħhom. Meta wieħed jitlaq għall-missjoni mimli kumditajiet faċli ħafna li ma kull intopp li jsib fi triq isib refuġju fil-kumdita’ tiegħu, u ikbar ma jkun kbir ir-rifuġju iktar ikun diffiċli li joħroġ miż-żona ta’ komfort u stabilta’ tiegħu.
Ġesu’ jaf ukoll li matul it-triq id-dixxiplu ser jiltaqa’ ma’ diversi inkomprensjonijiet; u wieħed faċli jaqta’ qalbu meta jara’ li ħadd ma jrid jisma’ l-messaġġ li għandu xi jwassal. Ġeremija jasal jistqarr: “Qarraqtni Mulej, u jien tqarraqt, kont aqwa minni u għelibni”. Sant’Antnin ta’ Padova, meta ra li ħadd ma jrid jisma’ jispiċċa jippriedka lill-ħut! Allura Ġesu’ jippreparana mill-bidu għall-fatt li l-Kelma ser issib reżistenza minn ħafna. It-tentazzjoni tkun dejjem li tbiddel il-messaġġ biex ma tinqabadx waħdek. Imma, f’dak il-mument tkun tlift il-messaġġ u begħet ruħek.
Id-dixxipli telqu jxandru u għadhom iterrqu sallum. Fl-2018 għad għadna nies li jħeġġu għall-indiema, oħrajn li bil-preżenza tagħhom ikunu balzmu ta’ fejqan fl-ambjenti li jterrqu fihom. Oħrajn jiġġieldu l-Ħażin u l-inġustizzji. Mhux dejjem faċli, hawn min ċarċar demmu biex jkompli jterraq u hawn min għamlulu ħajtu nfern, imma baqa’ jxandar.
U int għadek itterraq twassal l-aħbar t-tajba ta’ Ġesu?