Il-Wieħed u Għoxrin Ħadd matul is-Sena
“Iebes dal-kliem! Min jiflaħ jisimgħu”. Dik kienet il-konklużjoni tal-Lhud meta Ġesu’ tkellem fuq il-ħobż tal-ħajja u ħafna minnhom telquh. Imma Pietru ma telaqx. Jista’ jkun li lanqas Pietru ma fehem xejn u l-fatt li ħafna mid-dixxipli tiegħu bdew jitilquh ħoloq fih sentimenti ta’ delużjoni jew ta’ sfiduċja. Abbli moħħu ma fehemx u lanqas qalbu ma kienet hemm. Imma ma telaqx!
Jista’ jiġri lilna wkoll, li jkun hemm drabi fejn f’dak li nkunu qed nagħmlu, la jkun hemm qalbna u lanqas moħħna fih. Ma nibdewx nifhmu dak li jkun qed jiġri u lanqas ma jkollna l-ebda sentiment għal dak li nkunu ninsabu fih, anzi abbli s-sentimenti u l-emozzjonijiet tagħna jkunu għal kollox differenti minn ferħ u entużjażmu. U moħħna wkoll jiġri lejn oażijiet oħra li jagħmlu iktar sens.
X’nagħmlu? Jekk il-loġika tagħna tkun immexxija minn kemm nifhmu dak li nkunu qed nagħmlu, u minn kemm qed inħossu tferfir f’qalbna allura aħna wkoll nitilqu. Jekk il-loġika tagħna tkun li r-rieda t’Alla mhix fejn hemm qalbna, u lanqas fejn hemm moħħna, imma fejn hemm saqajna allura nibqgħu.
Jista’ jkun li fis-sitwazzjoni attwali tal-esperjenza tal-familja tagħna la moħħna u lanqas qalbna ma huma hemm, imma saqajna iva, allura nibqgħu. Jista’ jkun li anke fil-mixja ta’ fidi tagħna, fl-għażla ta’ ħajja reliġjuża li għamilna, fil-ħajja tal-komunita’ nisranija tagħna, fil-knisja qalbna u moħħna mhux hemm. Faċli li anke fil-ħajja ekkleżżjali ma nsibux qalbna u moħħna, u ċertu aġir ekkleżżjali jiddeludina, jew ma nifmuhx u aħna wkoll nkunu ttentati li nħallu it-triq u nergħu mmorru għal dak li konna nagħmlu qabel. “Sejjer nistad” kien qal Pietru wara d-delużjoni enormi li kellu wara d-disfatta kbira li ġarrab Ġesu’ fuq is-salib.
U propju hemm, fid-disfatta Ġesu’ jerġa juri ruħu fuq xatt il-baħar ta’ Tiberija. Kultant nkunu wisq mgħaġġla biex naħarbu minn sitwazzjoni diffiċli li ma nagħtux ċans lil Alla sabiex juri ruħu propju f’dik id-disfatta. Ġesu’ abbli jerġa’ jidher fuq xatt il-baħar ta’ Tiberija, imma aħna nkunu ġa tlaqna lejn post ieħor.
Anke jekk is-sitwazzjoni hija diffiċli, anke jekk din is-sitwazzjoni abbli ħolqot fina sitwazzjonijiet ta’ infedelta’, anke jekk mhux nifhmu, anke jekk bla entużjażmu, ejjew nitgħallmu nistennew li Alla ser jerġa’ juri ruħu. Kultant trid tmiss il-qiegħ biex terġa’ tara lil Alla. Huma affarijiet li ma jirnexxilniex nifmhu mill-ewwel, imma anke id-disfatti tagħna huma fil-ħsieb ta’ Ġesu’. Alla, d-disfatti tagħna kapaċi jużahom bħala trampolin biex nersqu iktar lejH.
Irridu nżommu quddiem għajnejna, f’moħħna, fl-emozzjonijiet tagħna dik id-darba li smajnieh isejħilna għall-ewwel darba. Ma rridux ninsew dik l-ewwel imħabba li qanqlitna nħallu kollox, biex nimxu warajH.
“Għix il-preżent” jgħidulek ħafna. Imma kultant il-preżent ikun iebes wisq, li titħajjar tagħmel bħal oħrajn u tgħolli kollox għax “iebes dal-kliem”. Madanakollu fil-mixja spiritwali, li tħares lura u tkun kapaċi tara l-ewwel imħabba, hija barka u balzmu. Li tħares lejn il-futur b’tama u b’fidi, li Alla ser jerġa’ juri ruħu hija wkoll barka.
Ma naqawx għat-tentazzjoni li nibdew nemmnu li aħna m’aħniex f’postna meta ma nibqgħu nħossu xejn, meta ma nibqgħu nifmhu xejn. Faċli li naqgħu għat-tentazzjoni li naħsbu li aħna m’aħniex fir-rieda t’Alla meta kollox jibda jmur ħażin, meta ħaddieħor ma jifhimniex, meta jitraduna dawk li fuqhom inkunu bnejna il-fiduċja tagħna, meta ħaddieħor idaħħalna fl-inkwiet, imma Ġesu’ ma wegħdniex li ser ikollna ħajja bla xewk, ma qalilniex li dejjem ser nifhmu kollox, lanqas li dejjem ser inkunu mimlija ferħ. Anzi kien hu li qalilna biex nifirħu u nithennew meta jgħajjruna, jippersegwitawna, meta jaqilgħu fuqna bil-gideb minħabba fiH. Kien ċar ħafna magħna il-Mulej. Ħarsa lejn ħajjet il-qaddisin ma tagħmlilniex ħażin!
Għalhekk ftakar, mhux fejn hi qalbek, mhux fejn hu moħħok, imma fejn huma riġlejk…hemm wisq probabbli huwa l-post fejn Alla jixtieqek tikber, tħaddar u tagħmel il-frott.
“Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem”.
Il-Mulej jagħtikom is-sliem