Il-Wieħed u Tletin Ħadd ta' Żmien ta' Matul is-Sena

Ma tridx tkun wisq għaref biex tinduna x’inhu s-suġġett tal-Vanġelu tallum. Qed jitkellem dwar l-imħabba, kelma li lilna ġġenninna. Nieħdu n-nifs xħin nisimgħuha u ħafna drabi nsibuna nixxenqu għaliha.

Imma x'inhi l-imħabba? Ħafna drabi jkollna l-idea li l-imħabba hija biss kwistjoni ta' tgħannieq, bews u viċinanza fiżika. Ovvjament dawn huma kollha sinjali ta' mħabba, imma nafu wkoll li kultant jistgħu jkunu eżattament l-oppost ta' dak li oriġinarjament suppost li jfissru. Ġuda l-Iskarjota lil Ġesu' biesu, imma ħadd ma jista' jgħid li f' dak il-mument li kien qed ibusu kien qed iħobbu! Kultant għadna l-idea li l-imħabba hija biss dawk is-sentimentimenti romantiċi li nisimgħu f'ħafna mill-love songs. Jiġrilna li nifmhu l-imħabba biss fl-ewwel stadji tal-innamorament (falling in love). Nafu wkoll li anke f'dan il-mument l-imħabba tista' ma tkunx fil-verita' kollha tagħha, u jekk ma timmaturax isir biss ġirja sfrenata biex il-persuna li tħobbni timla l-vojt li nkun qed nġorr f'qalbi. Hawn min jaħseb li l-imħabba hija wkoll il-liberta' konċessa lill-individwi biex jagħmlu dak kollu li jridu. Huwa d-diskors ta' meta l-imħabba ma tiġix aċċettata bħala rigal imma meqjusa bħala dritt.

Żgur li Ġesu’ kien espert fl-imħabba kemm lejn Alla, kif ukoll lejn il-proxxmu tiegħu. Lil Alla Ġesu’ jsejjaħlu ‘Missier’ u ma jrid jagħmel xejn għajr ir-rieda tiegħu. Kien jgħaddi ljieli fit-talb, isum biex ikun fil-preżenza ta’ Alla, xtaq u ħadem biex Alla jkun magħruf u maħbub. Għamel minn kollox biex iġib fuq l-art dak il-proġett li Alla kellu u għandu għad-dinja li Ġesu’ jsejjaħlu s-Salta ta’ Alla jew s-Saltna ta’ smewwiet.

Ġesu’ kien espert ukoll f’dik li hi l-imħabba tal-proxxmu. Darba lid-dixxipli tiegħu qalilhom: "Kif ħabbni Missieri hekk ħabbejtkom jien". U kif ħabbhom Ġesu' lid-dixxipli tiegħu? Il-Vanġelu ma jgħidx li qagħad il-ħin kollu jgħannaq fihom. Mela kif ħabbhom? Ġesu' kien preżenti fil-ħajja tagħhom. Qabel xejn l-imħabba hija preżenza. Fuq id-dgħajsa, f'baħar imqalleb Ġesu' kien rieqed, imma kien hemm. L-imħabba hija dik il-preżenza ta' xi ħadd li ma jsolvilekx il-problemi, imma waqt li qed iġġorrhom qiegħed hemm, miegħek. 

Ġesu' ħabbhom billi jien kapaċi jismagħhom. Zgur li tiftakruh jisma' dak li kien qed itaqqal qalb Nikodemu meta kien imur għandu billejl biex jiftaħ qalbu miegħu. Ġesu' ħabb id-dixxipli tiegħu billi sfidahom jemmmnu. Mhux dejjem kien ħelu magħhom. Darba minnhom insibuh jgħidilhom: "Kemm se ndum magħkom, kemm se ndum nissaportikom". Dak li kellu jgħidilhom, qalulhom u dan ma jfissirx li ma kienx iħobbhom. Għadna diversi minn dawn il-kummenti: "Nies ta' fidi żgħira", "Boloh u tqal biex tifmhu". Lil Pietru jasal jgħidlu: "Xitan".

Ġesu' jħobbhom billi jħallihom liberi. Ma ridhomx ikkakmati miegħu għax kieku kienu jkunu qegħdin miegħu għax jaqblilhom. Ma wiegħdomx l-ilma jiżfen biex jeħlu miegħu. Infatti kien hu li qalilhom.: "Tridux tmorru intom ukoll". Fil-ġnien taż-Żebbuġ ra kif għamel u talab lis-suldati biex iħalluhom imorru. U hu baqa' waħdu! U dik hija wkoll imħabba!

Ħabbhom billi ma ċapsilhomx id-dnub tagħhom ma' wiċċhom. Kellu għalxiex itihom tgħajjira tajba hekk kif qam mill-imwiet, imma l-ewwel kliem li jlissen kien l-awgurju tas-sliem: "Il-Paċi magħkom". Minkejja il-fraġilita' evidenti tagħhom Ġesu' jafdahom bil-Vanġelu.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem