Ir-Raba' Ħadd taż-żmien ta' matul is-sena
“Iskot, u oħroġ minnu”! Hekk iwieġbu Ġesu’ lix-Xitan. Ġesu’ kien jaf li x-Xitan huwa missier il-ġideb u allura ma seta’ joħroġ xejn minnu li għandu x’jaqsam mal-verita’. Jibqa’ l-fatt li dak li qal ix-xitan huwa veru; Ġesu’ huwa l-Qaddis ta’ Alla. Madanakollu xorta li qal mhux veru għax mhux koerenti ma’ l-aġir ta’ min qed jgħidu. Ix-xitan jista’ jgħid kemm irid li Ġesu’ huwa l-Qaddis ta’ Alla, madankollu dak li jgħid jibqa’ gidba għax ma jaqbilx mal-intenzzjoni tiegħu li qed jgħidu. Qed jgħid frażi vera, iva iżda s-sors huwa ħażin minnu nniffsu.
Spiss lilna wkoll ix-xitan jġgħelna nemmnu frażijiet li loġikament donnhom veri imma ma jkunux. Ix-xitan jġgħelna ngħoddu l-gidba tiegħu bħala verita’. Dak li jgħid ix-xitan huwa dejjem frott l-għira u l-biżgħa tiegħu, qatt fil-verita’ u dejjem biex jiġġudikana u jikkundanna. Mentri Ġesu’, jurina l-verita’ tagħna nfusna, anke jekk tkun diffiċli għalina biex naċċettawha, biex jeħlisna. Ix-xitan jgħidilna l-istess verita’ biex jiġġudikana u jkissirna.
Jekk jien immur għand it-tabib u jgħidli li għandi kundizzjoni jew marda, jien dik il-verita’ tista’ ma toġgħobnix imma naf li qed jgħidili biex jeħlisni, biex jfejjaqni. Żgur li mhux qed jgħidli biex jiġġudikani, jew biex jkompli jmarradni. Meta darba kont għedt lit-tabib li nibża’ mmur għandu ma jmurx isibli xi ħaġa qalli: “Jekk nsiblek naħdmu fuqha”! Ix-xitan mhux hekk! Jgħidlek xi ħaġa li hija vera imma biex jikkundannak biha; biex inti tibda tistma’ lilek inniffsek skont dik il-biċċa verita’ imma qatt ma tkun il-verita’ sħiħa. Alla jitlaq minn pre suppost ieħor: “Ara int maħbub, u għax nħobbok nixtieq neħilsek. Fik hemm il-mard, imma jien qabel il-mard qed nara lilek fi stat ta’ fejqan. Ejja naħdmu mela biex dan il-fejqan ikun sħiħ”. Ix-xitan jitlaq mill-kundanna, Alla mill-kompassjoni!
Propju għalhekk Ġesu’ lix-xitan jgħidlu: “Iskot”. U aħna hekk ukoll irridu ngħidulu: “Iskot”.
· “Iskot” kull darba li jipprova jgħidilna li d-djufija tagħna tikkaratterizza dak kollu li aħna.
· “Iskot” kull darba li jgħidilna li għalina ma baqax tama.
· “Iskot kull darba li jgħidilna li Ġesu’ ġie biex jeqridna, kull darba li jipprova jikkonvinċina li ħajjitna tixbaħ iktar lil funeral milli ċelebrazzjoni ta’ ferħ.
· “Iskot” kull darba li jikkonvinċina li nagħtu wisq importanza lill-futur bl-inċertezzi kollha tiegħu.
· “Iskot”kull darba li jċapsilna ma’ wiċċna l-iżbalji u d-dnubiet tagħna.
· “Iskot” kull darba li jġgħelna nemmnu li aħna niswew daqs il-ħidmiet u s-suċċessi tagħna.
· “Iskot” kull darba li jġgħelna nemmnu li aħna niswew daqs kemm l-oħrajn jaħsbu li aħna niswew.
Huwa Alla li jista’ jurina l-verita’ sħiħa dwarna nfusna; ix-xitan biss dwar atteġġjamenti partikulari. Alla jasal jgħidlek: “Qed tigdeb”. Ix-Xitan jgħidlek: “Int giddieb”. Jiddeskrivi l-personalita’ tiegħek skond atteġġjamenti tiegħek. Alla huwa iktar profond. Biex tagħqad, ħafna drabi nispiċċaw niġġudikaw lil ħaddieħor skond kif drajna niġġudikaw lilna nfusna. Għalhekk nitolbu ‘l Alla l-grazzja li niddixxernu dwar dak li nisimgħu. Jekk hu min Alla nwieġbu: “Tkellem Mulej, għax il-qaddej tiegħek qed jisma’, jekk mix-xitan, insomma issa suppost nafu x’għadna nwieġbu: “Iskot”.
Il-Mulej jagħtikom is-sliem