Is-16 Ħadd matul is-sena
Il-qalb ta’ Ġesu’ hija li taf minn xiex għaddej il-poplu tagħha. Taf li l-poplu donnu ma kellux ragħaj. Fl-istess kapitlu fejn insibu din is-silta, eżatt qabel insibu il-qtil ta’ Ġwanni il-Battista, il-profeta li kien ta’ sostenn għall-poplu. Iva issa il-poplu m’għandhomx ragħaj. Ġesu’ ma jieqafx jiċċassa quddiem din is-sitwazzjoni, anke jekk jixtieq jistrieħ, jixtieq jiekol xi ħaġa, jixtieq naqra ħin ma’ sħabu jismagħhom jirrakuntaw x’kien għadda mingħalihom fil-missjoni tagħhom, anke jekk hu ukoll jixtieq jirrakonta x’kien qed iħoss dwar il-qtil ta’ kuġinuh...anke jekk jixtieq dan kollu....jaqbad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ. Il-poplu spiċċa bla ragħaj, u Ġesu’ jsir dak ir-ragħaj.
Dejjem laqatni l-fatt li Ġesu’ lil dawn in-nies għajjiena u sfiduċjati ma jagħtihomx x’jieklu mill-ewwel. Qabel ma jagħtihom jieklu, Ġesu’ jgħallimhom.
Ġesu’ huwa edukatur u l-edukatur qatt ma jserraħ rasu biss li l-istudenti tiegħu għandhom x’jieklu imma jserraħ rasu meta jara li għandhom sens għalxiex jgħixu. Jista’ jkun vera li tmut bil-ġuħ għax m’għandekx ħobż, imma jista’ jkun ukoll li tmut għax m’għandekx sens għalxiex tgħix. Jista’ jiġri, li jekk ħadd ma jiggwidak issib sens fil-ħajja, tibda tfittex is-sens f’affarijiet li flok jgħinuk tikber u tisbieħ, jisirqulek il-liberta’ u flok il-ħajja jippreparawlek t-triq għall-mewt.
Forsi, kull vizzju li jeżisti mhux ikel ikkontaminat li jipprova jissodisfa l-ġuħ li jkollna għal ftit sens fil-ħajja? Darba smajt li fi żmien ir-Rumani, l-Imperatur kien jieħu ħsieb jagħti ħobża kuljum lil kull ċittadin Ruman biex mhux biss jimlielu żaqqu, imma jagħlaqlu ħalqu. Ma’ dan kien iżid logħob b’xejn għal-kulħadd. Hekk iċ-ċittadini Rumani, b’żaqqhom mimlija u kuntenti bl-ispettakkli qatt ma kien ser jgħaddilhom minn moħħhom li jagħmlu xi rewixta kontra l-Imperatur.
Ġesu’ mhux hekk! Ġesu jgħallem, anke jekk jaf li dak it-tagħlim jista’ jdur kontrih. Fil-proċess ta’ Ġesu’, l-akkużi li nġiebu kontrih kienu jgħidu: “Aħna smajnieh jgħid...”. Akkużawh b’tagħlimu stess.
Imma dan m’għandux jaqtalna qalbna. Il-Vokazzjoni tal-profeta, hija dan ukoll. Il-profeta spiss jiġi akkużat bil-verita’ li jkun xandar. Il-Profeta jaf li tagħlimu u kliemu faċli jduru kontrih, madanakollu ma jibżax u jibqa’ jxandar.
J’Alla aħna wkoll, xandara tal-Vanġelu nibqgħu nemmnu “li mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem...”.
Il-Ħadd it-tajjeb