Is-Sebgħa u Għoxrin Ħadd matul is-Sena
Mhux Vanġelu faċli! Quddiem dan il-Vanġelu (ċar fil-pożizzjoni tiegħu) jista’ jkun hemm min jużah bħala kundanna, b’riżultat li min jisimgħu jista’ jħossu ikkundannat, jekk mhux ukoll mhux mifhum u mwarrab. Ma nistgħaġbux jekk, quddiem kliem bħal dan, ir-reazzjoni tagħna tkun simili għal dik li kellhom l-appostli meta semgħu lil Ġesu’ jlissen dan il-kliem għall-ewwel darba: “Mela jekk din hi s-sitwazzjoni ma jaqbillekx li tiżewweġ” (Mattew 19:10).
Jkun xieraq għalhekk li qabel kull kumment dwar dan il-Vanġelu, li ma ninsewx, jibqa’ dejjem aħbar tajba, wieħed għandu jinżel għarkupptejh quddiem il-Mulej, kif ukoll quddiem kull koppja Nisranija li qed tgħix il-żwieġ mdawwla mill-Vanġelu ta’ Ġesu’. U mhux hekk biss, wieħed irid jinżel għarkupptejh quddiem dawk il-koppji kollha li ingħaqdu fis-sagrament ta’ żwieġ, imma bħalissa mhux qed jaraw tama li ż-żwieġ tagħhom jista’ jibqa’ mera’ tal-imħabba t’Alla. Ninżlu għarkupptejna wkoll quddiem kull żwieġ li fi kliem fqir tagħna ‘falla’. Is-sitwazzjonijiet huma tant differenti li wieħed jkun qed jiżbalja jekk wieħed juża’ l-kliem ta’ Ġesu’ b’arroganza u jinsa’ li l-ġisem ta’ Ġesu’ huwa l-knisja. Ġisem li fil-maġġoranza tiegħu huwa magħmul minn koppji miżżewwġa. Bil-qalb tar-ragħaj it-tajjeb, wieħed irid jakkumpanja lill-koppji kristjani f’din il-mixja ta’ żwieġ, li għall-knisja hija triq ta’ qdusija. Fil-kliem Papa Franġisku f’ Amoris Laetitia: Id-dixxerniment tar-Ragħajja għandu dejjem jagħmel distinzjoni xierqa, b’ħarsa li tgħarbel tajjeb kull sitwazzjoni. Ma jeżistux riċetti sempliċi. (298).
Ġesu’ jgħid li Mose’ ippermetta l-liġi tad-divorzju minħabba: “L-ebusija ta’ qalbkom”. U propju din hija ċ-ċavetta ta’ kif naqraw dan il-Vanġelu. Iż-żwieġ kif nifmhuh aħna l-insara huwa att ta’ mħabba libera, totali, fidila u li tħalli l-frott bejn raġel u mara. Ħafna drabi dak li jġarraf dan kollu huwa l-ebusija tal-qalb.
L-ebusija tal-qalb tista’ tieħu ħafna forom, imma fl-essenza tagħha hija meta tnejn li ingħaqdu fl-imħabba jingħalqu għal xulxin. L-eżempji ta’ dan huma ħafna u intom żgur li tistgħu tgħallmuni fuq dan.
Il-qalb hija magħluqa meta koppja ma jippreparawx għal dan il-pass bis-serjeta’ li jixraqlu, meta jaħbu minn xulxin, meta ma jfittxux li jikbru flimkien. Element essenzjali fil-maturita’ huwa dak li l-persuni li ser jidħlu għal dan il-pass, anke jekk f’imħabba sinċiera u dejjiema lejn il-ġenituri tagħhom, jibdew issa jaħsbu biex jibnu d-dar tagħhom flimkien u jaraw li issa l-aħħar kelma tkun tagħhom u mhux iktar tal-ġenituri tagħhom. Ġesu’ jitkellem dwar realta’ ġdida: “Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed”.
L-ebusija tal-qalb sseħħ meta naħseb li jien ġaladarba żżewwiġt issa m’għandix iktar x’nitgħallem. Ħafna drabi il-ħajja miżżewwġa turini li jien għad għandi fejn nikber, fejn nimmatura u forsi għadni ma fieqtx minn ġerħat u weġgħat tal-passat.
L-ebusija tal-qalb sseħħ meta jien ninduna li għandi bżonn nfieq u ma nfittix l-għajnuna. L-ebusija tal-qalb sseħħ meta nitfa sens ta’ ħtija fuq il-persuna li qed ngħix ir-relazzjoni ta’ żwieġ magħha, u niskuża ruħi f’kollox.
L-ebusija tal-qalb sseħħ meta jien ma rridx inċedi parti mill-proġetti tiegħi għal-ġid tal-persuna li Alla afdali f’idejja. L-ebusija tal-qalb sseħħ meta jien ma nismax x’għandha x’tgħidli l-persuna l-oħra u moħħni f’dak li rrid ngħid jien.
L-ebusija tal-qalb sseħħ meta ma jkollix fiduċja fil-persuna l-oħra, meta ma nurix sinjali ta’ affett u mħabba u nċaħħad lill-persuna l-oħra mill-affett tiegħi; meta nbaxxi fi kliemi quddiem l-oħrajn il-persuna li Alla afdali u nnissel fiha sens ta’ mistħija.
Il-qalb tingħalaq meta wieħed jaħseb li jien dejjem għandu raġun u f’kollox irrid jgħallem lil dik il-persuna li l-Mulej afdalu biex jieħu ħsieb u mhux biex jikkmandaha, u għalhekk joħnoq kull sens ta’ liberta’.
L-ebusija tal-qalb sseħħ meta f’qalbi jidħlu prijoritajiet oħra, għajr dik il-persuna li l-Mulej afdali; xogħol, rikrejazzjoni, persuni oħra, tfal u kultant anke ħwejjeġ ‘qaddisa’ bħal ngħidu aħna involviment esaġerat f’xi missjoni tal-knisja, mingħajr qbil bejn il-koppja.
L-ebusija tal-qalb tieħu ħafna forom, u ma dawn żgur li hemm espressjonijiet oħra ta’ qalb iebsa. Il-bniedem mhux esseri sempliċi, imma jibqa’ dejjem fatt li irid ikollna dik l-attenzjoni delikata ta’ x’għandha bżonn il-persuna l-oħra. Jekk huwa minnu li ħafna proġetti umani jfallu għax ma jkunx hemm evalwazzjoni ta’ kif miexi x-xogħol, hekk ukoll jiġri fis-sejħat ta’ Alla u fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna.
Diffikultajiet jinqalgħu dejjem, imma j’alla ma tkunx l-ebusija ta’ qalbna li xxekkel lil Alla li jagħmell wirja ta’ mħabbtu permezz tagħna. L-ebusija tal-qalb hi l-ikbar għadu tal-imħabba, b’riżultat l-ikbar għadu tal-ferħ. Kull weġgħa fil-familja hija weġgħa għall-komunita’ ta’ Ġesu u “Il-ferħ tal-imħabba fil-familji hu wkoll il-ferħ tal-Knisja” (AL, 1).
Il-Mulej jagħtikom is-sliem