Is-Sitta u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
“Aħna u huma”! Kemm għaddew snin u sekli biex, anke fil-Komunita’ ta’ Ġesu’ biex seħħilna nindunaw li m’hemmx ‘aħna’ u ‘huma’ imma ‘aħna biss’. Kemm -il darba kejjilna d-distanzi li jeżistu bejn dawk li jemmnu f’Ġesu’ u nsejna li fuq distanza waħda kellna nitfgħu il-qies; fuq dik li tifridna minn Ġesu’ Kristu. Kemm huwa sabiħ il-kliem ta’ Mose’ fl-ewwel qari: “Jalla l-poplu tal-Mulej ikun kollu profeti, u jalla l-Mulej iqiegħed fuqhom l-ispirtu tiegħu!”. Normalment aħna nibżgħu mill-‘huma’ għax naħsbu li ser jeħdulna xi ħaġa!
Imma normalment mhux dawk li huma differenti minna li jkunu ta’ periklu għalina, imma l-għadu tagħna - ix-xitan – li jidħol fil-qalb tagħna u jisirqilna dak li hu tagħna bi dritt – il-liberta’ tagħna. Ix-xitan huwa makakk u jwiegħdek li ser jagħtik kollox imma fil-waqt li jagħtik kollox, jeħodlok kollox, għax jeħodlok dak li jagħmlek Iben Alla – il-liberta’ tiegħek. Makakk ix-Xitan u jidħol fin fin sakemm jgħarraqlek ħajtek.
Forsi illum mhux faċli li titkellem fuqu għax jgħadduk b’xi ħadd tal-Medju Evu. Imma forsi mhux kulħadd għamel esperjenza ta’ kif jaħdem ix-Xitan, meta wiegħdek l-ilma jiżfen u fl-aħħar mill-aħħar daħak f’wiċċek? Ix-Xitan iwiegħed iva, u kapaċi jagħti wkoll imma dejjem hemm prezz xi tħallas: “Dan kollu jkun tiegħek, jekk tinsel quddiemi tadurani”. Anke lill-Iben t’Alla ttanta, aħseb u ara lilna!
Jaf fejn aħna dgħajjfa u hemm jidħol inkiss inkiss. Jidħol meta l-iktar nkunu vulnerabbli u jilgħab bil-vulnerabilita’ tagħna. Jsibna dgħajjfa u jwiegħdna l-eħfef triq biex neħilsu mit-toqol tagħna. Allura, arah jagħtik opportunitajiet li qatt ma ħsibt li ser ikollok imma kollha qerq. Jagħmik fuq il-konsegwenzi, u jgħaxxqek għal ħajtek. Giddieb ix-xitan u flok iwieżnek fi djufija tiegħek jagħmlek iktar skjav tagħha. Litteralment jieħdok minn ġot-taġen għal ġon-nar.
U Ġesu’ b’mod ftit esagerat jagħtina l-mediċina ta’ kif nistgħu ma nħalluhx jidħak bina! Ġesu’ jgħidilna, biex naqilgħu barra għajnejna, naqtgħu idejna u riġlejna li jkunu għalina okkażżjoni ta’ dnub. Ovvjament, allaħares naqraw din is-silta b’mod litterali għax kieku nkunu qed nagħmlu ħsara lilna nfusna li żgur mhix ir-rieda ta’ Alla. Mela x’qed jgħid Ġesu’?
L-għajnejn, ir-riġlejn u l-idejn huma l-organi li jħajjruk, iressquk, u jagħtuk il-possbilta’ li tieħu xi ħaġa li mhix tiegħek. Inti b’għajnejk tara xi ħaġa li toġgħbok, f’qalbek tixtieqa, b’riġlejk tersaq lejha u b’idejk teħodha. Allura x’irridu nagħmlu, naqilgħu għajnejna u naqtgħu idejna u riġlejna? Le. Imma tajjeb li naraw x’kienu l-passi li wassluna għad-dnub biex ma nergħux nirrepetuhom. Ħafna drabi aħna, nserrħu rasna li Alla ħafrilna, mmorru nqerru, noħorġu nodfa u allura naħsbu li l-istorja spiċċat hemm. L-istorja ma tkunx spiċċat hemm, tkun bdiet storja oħra. “Ix-Xitan qisu bħall-iljun jgħajjat, jfittex lil min jibla’” jgħid San Pietru. Hekk kif naħseb li jien issa nadif tazza, jerġa’ jibda jserrep biex jiblagħna.
Imma nistgħu niqfulu. Nistgħu mmorru lura u naraw x’wassalna nagħmlu d-dnub. Nistgħu nieqfu lill-makakkerija tiegħu u nkunu makakki iktar minnu. Aħjar ftit xogħol qabel, u ma nħalluhx jgħaddina bi żmien, milli ħafna biki wara!
Il-Mulej jagħtikom is-sliem