Is-Sitt Ħadd taż-żmien ta' matul is-sena

Tobdi jew ma tobdiex?

Ġieli ġratilkom li torbtu lil xi ħadd b’xi sigriet u tinduna li dak li jkun mar jxandar ma’kullimkien dak li tkun għedtlu bejn erba’ ħitan? Hija ħaġa li normalment tkisser il-fiduċja f’dik il-persuna. Jew inkella, isbaħ minn din xi ħadd jiġi jgħidlek: “Lilek biss qed ngħid”, u int tkun taf li fil-verita’ jkun ġa qal lil nofs ir-raħal! Jiġru dawn l-affarijiet u jew toħodhom b’nofs ċajta, jew tiddispra, jew twiegħed li nies bħal dawn ma temminhomx jew inkella ma tgħidilhom xejn.  

Ġesu’ hekk ġralu fil-Vanġelu tallum. Qal lil dan l-imfejjaq biex ma jgħid lil ħadd u dak beda jxandar ma kullimkien u jxerred l-aħbar. Tifmhu lil dan l-imbierek li tant kien kuntent li ġie mfejjaq li mar ixandar ma’ kulħadd. Agħmel sew? Min jaf! Li ma obdiex m’għamilx sew, imma mur żommu!

Forsi tiġina li nsaqsu: “Imma dan Ġesu’ il-għala ma riedx li ħaddieħor ma jsirx jaf li kien hu li fejjqu? Ħafna drabi fil-Vanġelu ta’ San Mark insibu li Ġesu’ jordna lil min ikun fejjaq biex ma jgħid xejn. Imma għaliex? Kien jaqbillu lil Ġesu’ li jsiru jafuh. Hekk seta’ juri biċ-ċar li hu il-Messija, u iktar nies jersqu lejh, iktar nies ifiequ, iktar nies isiru jħobbuh, iktar nies isiru jafu il-Vanġelu. Mela għalfejn dal-ħabi kollu?

Ġesu’ ma riedx li toħroġ informazzjoni żbaljata jew jingħataw impressjonijiet ħżiena. Ġesu’ ma riedx li hu jiġi meqjus bħala xi ħadd li jagħmel il-magics, bħala xi ħadd li joffri ħajja faċli, li jwiegħed l-ilma jiżfen. Fl-aħħar tal-Vanġelu Ġesu’ ma jaħbix iktar: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill- ħolqien kollu”. Allura għalfejn jaħbi issa, jekk wara xandar kollox bil-miftuħ? Jaħbi issa, għax faċli setgħet tingħata l-impressjoni li Ġesu’ kien qed iwiegħed dixxipulat faċli, dixxipulat nieqes mis-salib. Li tkun dixxiplu ta’ Ġesu’ jfisser li terfa’ salibek kuljum u timxi warajh. Fejqan mingħajr l-aċċettazzjoni tas-salib faċli jsir farsa ta’ min hu Ġesu’. Qabel ma jgħid kollox bil-miftuħ, Ġesu’ kellu jgħaddi mill-prova tas-salib.

Hu stess kellu jegħreq l-għaraq tad-demm biex jaċċetta r-rieda t’Alla f’ħajtu. Xi ħadd jista’ jlumek li m’intiex taċċetta dak li qed jiġrilek f’ħajtek, imma l-fatt stess li qed tissielet biex tifhem u taċċetta, dik stess fiha nfisha hija talba: “Missier jekk jista’ jkun ħa jitbiegħed minni dan il-kalċi, imma mhux li rrid jien, imma li trid int”. Ġesu’, għal-kuntrarju tan-nies tad-dinja ma jwiegħedx l-ilma jiżfen. Ġesu’ huwa reali u fil-verita’ magħna: “Fid-dinja tbatu jkollkom, imma agħmlu l-qalb, jien rbaħt id-dinja”.

Ġesu’ jfejjaq biex jagħti sinjal li hu l-Messija. Il-fejqan huwa biss sinjal ta’ xi ħaġa ikbar. Il-fejqan huwa sinjal li hu kien dak li kellu jiġi. Il-fejqan kien mifhum li jwassal lin-nies li jemmnu Hu min kien. Messija iva, imma li kellu jimrad, jbati. “Ħa fuqu l-mard tagħna” tgħidilna l-iskrittura. Propju din li ma setgħux jifmhu ħafna nies, u li nsibuha diffilċli nifmhu aħna wkoll: “Salva lill-oħrajn, ħa jsalva lilu nniffsu”. Ma ninsewx li l-fejqan fiżiku fih inniffsu mhux etern. Dawk kollha li fejjaq Ġesu’ xorta reġgħu mardu u mietu. Lazzru ħa l-kedda li kellu jmut darbtejn!

Jekk aħna nibbażaw il-fidi tagħna fuq il-fejqan fiżiku, inkunu qed nitilfu ħafna. Il-fejqan, ma ninsewx huwa sinjal ta’ verita’ ikbar. Mhux ta’ b’xejn li imbgħad, meta naraw li l-fejqan fiżiku ma wasalx nibdew naħsbu ħafna affarijiet li mhumiex veri u nispiċċaw ngħidu: “Qed nitlob ħażin”, “M’għandix fidi”, “Alla ma jismaniex”, “Alla bil-preferenzi”. Il-Knisja stess tgħallem li l-mirakli huma biss xi ħaġa straordinarja u mhux ta’ kuljum.

Ovvjament il-mard huwa xi ħaġa kerha ħafna. Il-mard joħroġ minnek reazzjonijiet li qatt ma kont timmaġina li kienu fik. Il-mard jumiljak. Il-mard ikexxkxek meta tara lil-maħbubin tiegħek ibatu u anke jmutu. Ħadd ma jrid jimrad, qas jien serrħu raskom, u ħadd ma jrid jara l-maħbubin tiegħu jimirdu u jbatu. Madanakollu hemm fejqan li jmur ‘l hemm minn dak li hu fiżiku. F’ħajti nħossni ffurtunat li ltajt ma’ nies li fil-mard tagħhom fejqu lili. Nies li magħhom ma sarx miraklu imma huma kienu miraklu ħaj bid-dija li ħarġet minnhom fil-mumenti diffiċli tagħhom. Hemm tibda temmen li t-tbatija tista’ tkun redentiva wkoll.

Fil-fond ta’ qalbi nixtieq li ħadd iktar ma jimrad, fil-fond ta’ qalbi nixtieq li l-mediċina tagħmel tant żviluppi li teqred il-mard kollu, fil-fond ta’ qalbi nixtieq li l-mirakli jkunu the order of the day. Fil-fond ta’ qalbi nixtieq li ħadd ma jbati, ħadd ma jimrad u ħadd ma jmut. Madankollu nitlob li fil-mard tiegħi nkun kapaċi nfejjaq. Nitlob li anke jien, int u kulħadd ikun eżempju ta’ tbatija li ssalva. Nitlob li nidħlu f’dik il-profondita’ li l-fejqan qabel fuq barra jsir fuq ġewwa. Nitlob li nifhem li l-aċċettazzjoni tas-salib, mhux dik passiva imma frott l-għaraq tad-demm, hija wkoll talba.

Il-Mulej jagħtikom is-slie